Min laqa’ u min ma laqax il-baġit tal-Gvern?

Baġit soċjalment ġust – GWU
Il-General Workers’ Union (GWU) esprimiet is-sodisfazzjoni tagħha għal dan il-baġit li qed tqisu wieħed li minnu se jgawdi l-ħaddiem.
Tgħid hekk għax il-liv se jingħata lura lill-ħaddiema meta festa taqa’ fi tmiem il-ġimgħa, festa li ttieħdet minn Gvern Nazzjonalista fl-2005 u li fi kliem il-GWU dakinhar kienet saret inġustizzja mal-ħaddiem.
L-unjin tal-ħaddiema rrikonoxxiet ukoll il-fatt li l-familji mhux se jbatu, u l-aktar għax ma kienx hemm taxxi msemmija.
Fost l-oħrajn laqgħet ukoll il-proposta biex jiġi rregolarizzat il-mod kif isiru l-kirjiet, għax il-GWU jidhrilha li l-miżura mħabbra tiggarantixxi ġejjieni b’kundizzjonijiet ġusti għal min jikri.
Issemmi wkoll iż-żieda fil-pensjonijiet, proposta li ressqet l-unjin stess.
Finalment, il-GWU tikkonkludi li dan kien baġit ġust.
M’aħniex kuntenti b’baġit li warrabna – GRTU
Min-naħa tagħha l-GRTU ma kinitx sodisfatta bil-baġit, u dan għax ma kien hemm ebda tibdil fit-taxxi, li jfisser li l-proposta tagħhom li titnaqqas it-taxxa korporattiva ma ġietx mismugħa.
L-unjin tan-negozjanti u l-bejjiegħa qalet li xogħolhom hu fattur ewlieni għat-triq pożittiva li qabdet l-ekonomija, u għalhekk ħassewhom imwarrba mill-Gvern mingħajr ma kien jistħoqqilhom.
Żiedet tgħid li ma kien hemm ebda inċentiv biex jistimula l-ekonomija, u rrimarkat li minn 13-il proposta li ressqet, ebda waħda ma ddaħħlet fil-baġit.
Dal-baġit mimli proposti minuri, u ma kien hemm ebda proposta maġġuri li tindirizza l-isfidi li l-GRTU taħseb li hemm fl-ekonomija.
Il-proposta tal-flus mill-fliexken kienet ewlenija fil-baġit – il-Kamra tal-Kummerċ
Il-Kamra tal-Kummerċ iddeskriviet il-proposta li jibdew jingħataw flus għall-fliexken tal-ħġieġ u l-plastik bħala l-miżura ewlenija ta’ dal-baġit, u rrimarkat li ħerqana biex tibda l-konsultazzjonijiet.
Aċċennat ukoll għall-proposta tagħha li ma jkunx hemm taxxi, u qalet li l-Gvern sema’ minnha u din se taħdem favur in-negozju fil-pajjiż.
Dwar pagamenti bejn il-Gvern u l-privat, il-Kamra qalet li wara 10 snin tistinka biex isir xi ħaġa, f’dal-baġit tħabbar li l-Gvern se jikkommetti ruħu li jpaċi l-bilanċ bejnu u l-privat.
Laqgħet ukoll il-ħidma li ġiet proposta biex il-Gvern jindirizza l-infrastruttura tal-pajjiż, fost l-oħrajn bit-twaqqif ta’ awtorità ġdida li se tieħu ħsieb tirranġa t-toroq kollha b’€7 miljun.
Madankollu, il-Kamra esprimiet id-diżappunt tagħha għall-qasam tal-enerġija.
Fakkret li kumpaniji f’Malta qed iħallsu waħda mill-ogħla rati tal-enerġija fl-Ewropa, u għalkemm it-tariffi tnaqqsu fl-2015, qalet li dan mhux biżżejjed għas-swieqi internazzjonali.
Il-Kamra ddiżappuntata li l-proposti tagħha biex jittaffa dal-piż mill-kumpaniji ngħataw il-ġenb.
Baġit li jsemmi s-sewwa magħruf, iżda ma jaqbadx il-barri minn qrunu – MUT
L-Unjin Maltija tal-Għalliema (MUT) qalet li kienet qed tistenna li jkun hemm miżuri konkreti sabiex tiġi indirizzata l-kriżi li hemm fil-professjoni tal-edukaturi.
Stenniet li jkun hemm inċentivi biex l-għalliema jibqgħu f’din il-professjoni.
“Filwaqt li l-bini ta’ skejjel ġodda hu essenzjali, l-MUT kienet tistenna li jkun hemm strateġija dwar il-manutenzjoni ta’ numru sostanzjali ta’ skejjel qodma” żiedet dwar il-proposta tal-Gvern li jinbnew 4 skejjel.
Il-proposta li jitwaqqaf Bord Nazzjonali tal-Edukazzjoni Obbligatorja intgħoġbot mill-MUT, iżda l-unjin qalet li kienet qed tistenna li din ikollha għan aktar wiesgħa sabiex isservi bħala bord permanenti li jkun jista' jfassal il-viżjoni u l-istrateġija tal-qasam edukattiv fuq numru ta’ snin.
Ittemm tgħid li l-ftehim settorjali mħabbar jkun konkluż fl-inqas żmien possibbli.
Baġit eċċellenti għall-Għawdxin imma ma jsemmix is-servizz tal-lanċa – GUG
Il-Grupp Studenti Universitarji mbagħad qal li jħossu sodisfatt b’miżuri li ddeskrivihom bħala eċċellenti.
Qed jirreferi għat-tieni fibre optic cable bejn Għawdex u Malta li se jgħaqqad liż-żewġ gżejjer aktar flimkien, għan li l-GUG qal li ilu jistinka għalih żmien.
Il-grupp jirreferi għall-istudji ġeoloġiċi mħabbra sabiex jiġi evalwat issirx il-mina jew le, u qal li l-mina se tħaffef il-ħajja tal-istudenti u l-ħaddiema Għawdxin.
Minkejja dan il-grupp innota li ma ssemmiex is-servizz tal-lanċa, wara li kien issemma fil-baġit tas-sena l-oħra u baqa’ ma sar xejn.
Baġit pożittiv – il-Forum Unjins Maltin
Il-Forum Unjins Maltin qalu li kollox ma’ kollox dan kien baġit pożittiv, u dan hu rifless fil-fatt li s-surplus miksub ma kienx fula f’qargħa.
Dwar il-btajjel pubbliċi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa, talab lill-Gvern biex issa jagħtihom kollha la l-ekonomija sejra tajjeb, u għax dawn ittieħdu minn Gvern Nazzjonalista meta l-ekonomija kienet sejra ħażin.
L-unjin tal-forums ipproppniet lill-Gvern biex jimxi lejn it-tneħħija tal-limitu tal-pensjoni, u jibda jagħti ċ-ċans lill-ħaddiema jħallsu l-bolla kollha biex jirċievu pensjoni sħiħa.
Dwar is-settur tas-saħħa, l-unjin żiedet tgħid li meħtieġ pjan fit-tul taż-żmien sabiex jiġu attirati professjonisti lejn il-pajjiż.
Ifaħħar il-pjan biex titjieb il-kundizzjoni tal-għalliema u l-infermieri u jemmen li issa ż-żmien li jitfasslu pjanijiet fit-tul taż-żmien, bejn 15 u 20 sena.
GreenPak tgħid li l-proposta tal-fliexken issaħħaħ l-ekonomija; fl-istess ħin twissi
Is-Soċjetà Koperattiva GreenPak laqgħet il-proposta dwar l-iskema ta’ ritorn b’depożitu għall-kontenituri tax-xorb, iżda wissiet li jekk ma tkunx immaniġġjata sewwa, l-iskema tista’ għall-bidu tolqot ħażin lill-konsumaturi minħabba ħlas inizjali.
Il-politika tal-Gvern b’mira għal ekonomija sostenibbli – MDA
L-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin (MDA) laqgħet il-Baġit tal-2018 u tinsab kuntenta li l-Gvern aċċetta numru ta’ miżuri li kienet ipproponiet.
L-MDA temmen li l-Baġit jimmira biex jgħin lil dawk il-persuni fil-klassi medja filwaqt li jinċentiva lil dawk li huma bieżla.
Baġit ta’ manuvrabbiltà fiskali – MEA
Skont l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ Min Iħaddem (MEA), il-Baġit jirrifletti ekonomija li qed tikber.
Qalet li t-tnaqqis tad-dejn pubbliku u t-tnaqqis tal-livelli tal-qgħad huma sinjali pożittivi. Skont l-MEA, il-Baġit joffri numru ta’ benefiċċji għall-pensjonanti u li jindirizza s-suq tal-propjetà u tal-kiri mingħajr ma jikkawża destabilizzazzjoni. 
Baġit li jimmira li jtejjeb it-turiżmu f’Għawdex – GTA
L-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu f’Għawdex qalu li fil-Baġit hemm inċentivi li huma mmirati biex jitjieb it-turiżmu f’Għawdex.
Dawn l-inċentivi jinkludu festi kulturali, restawr tal-Lighthouse ta’ Gordan, u re-organizzazzjoni tal-yacht marina fl-Imgarr. Il-GTA qalet ukoll li l-Baġit ma għamel l-ebda referenza għall-green airfield minkejja li Baġits preċedenti kienu semmew studju fuq l-impatt ambjentali li green airfield jista’ jkollu fuq Għawdex.
“Budget bla direzzjoni f’numru ta’ oqsma” – UĦM
 Il-Union Ħaddiema Magħqudin stqarret li rat nuqqas ta’ direzzjoni f’numru ta’ oqsma, bħall-importazzjoni tal-ħaddiema meta din il-unjin ippreżentat proposta biex telimina l-abbuż. Il-union kienet ipproponiet li l-kuntratti tax-xogħol jiġu reġistrati onlajn. Skont il-UĦM, il-Gvern ma semma xejn dwar il-kooperattivi fil-qasam tas-saħħa sabiex tiżdied l-effiċjenza fis-servizz.
Numru ta’ miżuri pożittivi pero nuqqas ta’ proposti dwar konnettivita – GBC
Il-Kamra tal-Kummerċ ta’ Għawdex (GBC) saħqet li hemm numru ta’ miżuri pożittivi fil-Baġit. Dawn jinkludu l-estensjoni tal-iskema tal-propjetà f’Għawdex,   it-taxxa tal-boll ta’ 2%, kif ukoll l-inċentivi ta’ riabilitazzjoni ta’ postijiet vojta. Il-Kamra qalet li kienet qed tispera li tisma’ aktar dwar faċilitajiet dwar il-konnettività bejn Malta u Għawdex kemm bil-baħar u kif ukoll bl-ajru.
Ritratt: DOI – Jason Borg