Min kiseb l-aktar likes, Delia jew Grech?

Read in English.

Din il-ġimgħa Newsbook.com.mt qed jerġa’ jara kif sejrin iż-żewġ kandidati għal Kap tal-Partit Nazzjonalista fuq il-midja soċjali. L-istatistika fuq il-midja soċjali ma tfissirx voti, imma r-reazzjonijiet online huma indikattivi ta’ kif sejrin il-kandidati u kemm qed jinstema’ l-messaġġ tagħhom.

Newsbook.com.mt ikkonsulta ma’ Dr Franco Curmi fuq in-numri meħudin mill-paġni taż-żewġ kandidati, Bernard Grech u Adrian Delia.

L-istħarriġ tal-ġimgħa li għaddiet
Min qiegħed fuq quddiem fuq Facebook?

Kif marru l-kandidati din il-ġimgħa?

Bernard Grech baqa’ jżid ir-rata ta’ tkabbir minn 4% żieda l-ġimgħa li għaddiet għal 8% din il-ġimgħa. Il-paġna ta’ Adrian Delia wkoll marret għall-aħjar din il-ġimgħa, imma mhux bl-istess rata mgħaġġla.

Liem messaġġ qed jagħmel l-aktar ħoss?

Li kieku kellna nqassmu t-42 messaġġ li xerrdu l-kandidati fuq il-midja soċjali din il-ġimgħa skont kemm-il like kellhom, jirbaħ Bernard Grech billi kellu messaġġ li kiseb is-sapport ta’ 1,910 segwaċi. L-ogħla numru ta’ segwaċi għal Adrian Delia din il-ġimgħa kien ta’ 1,480 like.

Dr Franco Curmi nnota li l-aktar li jmorru tajjeb huwa meta ż-żewġ kandidati jiktbu xi ħaġa b’messaġġ pożittiv. Messaġġi b’elementi ta’ rabja jew ta’ emozzjonijiet diviżivi ma jmorrux tajjeb mas-segwaċi. Huwa qal li dan hu normali tal-posts inġenerali fuq il-midja soċjali, anke lil hinn mill-politika. Messaġġi ta’ negattività jibnu negattività madwar min joħroġ dak il-messaġġ jew il-paġna li tkun qed ixxerrdu.

Ta’ min wieħed jinnota li skont il-Facebook Page Transparency, Dr Delia nefaq €474 fuq ir-riklamar fuq Facebook u Dr Grech nefaq €277. Dan ir-riklamar, naturalment, jaffettwa l-influwenza tal-post.