Min kienet l-ewwel mara li ndifnet fiċ-ċimiterju tal-Addolorata?

Ritratt: Miguela Xuereb

Iċ-ċimiterju tal-Addolorata huwa ċimiterju li jsaħħar bosta persuni warajh minħabba l-istil neogotiku u l-karatteristiċi uniċi tiegħu. Madanakollu kien hemm żmien fejn il-Maltin kienu jkemmxu xofftejhom biex jidfnu l-mejtin tagħhom fih, sakemm indifnet l-ewwel mara.

Newsbook.com.mt tkellem ma’ raġel, ammiratur ta’ dan iċ-ċimiterju, li filwaqt li dawwarna maċ-ċimiterju, irrakkonta kif inbena dan iċ-ċimiterju, u xi wħud mill-istejjer tiegħu.

Filwaqt li ċ-ċimiterju kien ġie kkonsagrat fl-1869, l-ewwel difna fih saret kważi tliet snin wara. Anna Magro, li kienet armla u tallaba ndifnet fiċ-ċimiterju fit-23 ta’ Jannar tal-1872. Hi kienet tgħix il-Mosta u mietet fl-età ta’ 64 sena. Il-Gvern Ingliż kien iddeċieda li jidfinha hawn għax ħadd ma kien mar għall-ġisem tagħha.

Aqra: Għandna wieħed mill-isbaħ ċimiterji fl-Ewropa… x’inhi l-istorja tiegħu?

Il-Maltin riedu jidfnu l-mejtin tagħhom fil-qrib

Il-Maltin kienu kemxejn xettiċi meta offruti l-opportunità jidfnu l-mejtin tagħhom f’dan iċ-ċimiterju. Dan minħabba li dak iż-żmien id-drawwa kienet li l-mejtin jindifnu fil-knejjes jew fiċ-ċimiterju tar-raħal. Dan beda jinbidel wara li l-Gvern ippubblika liġi li mill-1863 bdiet tipprojbixxi d-dfin fil-Knejjes. Minkejja dan, kien diffiċli immens li d-drawwiet tal-Maltin jinbidlu. Huma kienu jaraw iċ-ċimiterju tal-Addolorata bħala xi ħaġa ‘l bogħod.

Aqra: €8,000 għal qabar fiċ-ċimiterju tal-Addolorata

Madanakollu, id-difna tal-ewwel mara mill-Gvern Ingliż wasslet sabiex aktar persuni jibdew jieħdu l-opportunità u jidfnu l-mejtin tagħhom f’dan iċ-ċimiterju prestiġġjuż. L-ewwel ma bdew jagħmlu dan kienu l-Bormliżi. Infatti, meta wieħed imur iċ-ċimiterju u jinżel lejn in-naħa t’isfel isib numru ta’ oqbra tal-Bormliżi. Din id-deċiżjoni tal-Bormliżi tagħthom privileġġ ċkejken li għadu japplika sal-lum. Dan jippermetti li dawn idaħħlu l-mejtin tagħhom fil-Kappella tad-Duluri li tinsab fiċ-ċimiterju għall-aħħar talb qabel id-dfin.

Ritratt: Miguela Xuereb

Is-suldati tal-ewwel u t-tieni gwerra dinjija midfunin hawn

Intant, fiċ-ċimiterju wieħed isib ukoll l-oqbra tas-suldati li kienu fil-Commonwealth u li mietu f’Malta. Hemm total ta’ 250 suldat mill-Ewwel Gwerra Dinjija u 18-il suldat mit-Tieni Gwerra Dinjija. Kull suldat għandu qabar għalih waħdu.