Awdjo: “Min juża l-vapuri mhux infurmat bil-proċedura tal-ġarr tal-katavri”

Carmel Saliba, Għawdxi li tliet snin ilu kien qajjem fil-midja l-kwistjoni tal-ġarr ta’ katavri bejn Malta u Għawdex fuq il-vapuri tal-Gozo Channel, qal li l-każ ta’ nhar it-Tnejn li għadda, juri biċ-ċar kemm m’hawnx għarfien biżżejjed li dan jista’ jsir. 
Ma’ Newsbook.com.mt, Carmel qal li kollox beda meta ħabib tiegħu mietlu missieru u beda jistaqsi għax il-Gozo Channel ma titrasportax katavri minn Malta għal Għawdex. 
Kien hemm li ddeċieda li jikteb ittra f’ġurnal lokali fejn fost l-oħrajn staqsa għaliex katavru jista’ jinġarr fuq ajruplan iżda mhux fuq vapur.  Semma kif il-kumpanija bagħtet tgħid lill-ġurnal li min kiteb l-ittra, jiġifieri hu, ma kienx infurmat tajjeb dwar il-liġi.  Madanakollu saħaq li għarfien dwar dan ma kienx hemm u lanqas hemm illum. Spjega li dan reġa’ ġie kkonfermat fl-aħħar jiem bil-kummenti tan-nies fuq Facebook u anke minħabba li dwar il-każ ta’ nhar it-Tnejn saru rapporti lill-pulizija.
Newsbook.com.mt għandu f’idejh xi kundizzjonijiet li fl-2012 il-Gozo Channel kienet timxi magħhom f’każ ta’ ġarr ta’ katavru fuq wieħed mill-vapuri tagħha.Mhux magħruf jekk dawn għadhomx japplikaw illum.
Dawn jinkludu li:

  • Il-biljetti tal-vapuri jinxtraw qabel. Dwar dan infurmati li hemm tariffi differenti, imma riċentament ma kienux qed jiġu segwiti.
  • Il-post għall-karozza tal-mejtin jiġi riservat minn qabel, tal-inqas sitt sigħat qabel il-vjaġġ, fuq 21560577 jew 22109101.
  • Ma jistax jiġi riservat spazju għall-karozzi ta’ qraba jew persuni li jakkumpanjaw il-karozzi tal-mejtin.
  • Il-karozza tal-mejtin għandha tkun l-aħħar karozza li titla’ fuq il-vapur u l-aħħar waħda li toħroġ.
  • U li l-karozza tal-mejtin trid tasal fit-terminal kwarta qabel il-ħin tat-tluq.  Jekk tasal tard, il-vapur ma jistenniex.