Min jonqos għandu jiġi investigat – Repubblika

Robert Abela
Miguela Xuereb

Read in English.

L-NGO Repubblika sostniet li meta persuna tonqos għandha tiġi investigata, irrelevanti jekk kinitx il-Prim Ministru jew le.

L-għaqda qalet dan fid-dawl tad-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ hekk kif hu u jwieġeb lill-ġurnalisti qal li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat diġà “ħallas il-prezz billi rreżenja minn Prim Ministru”. Huma kienu qed jistaqsu dan fid-dawl tal-arresti li saru t-tnejn li għadda u li kienu jinvolvu lill-eks Chief of Staff ta’ Muscat, Keith Schembri.

Repubblika sostniet li hija diżgustata bid-dikjarazzjoni tal-Prim Ministru li Joseph Muscat ħallas ta’ għemilu għax ma baqax Prim Ministru. Qalet li r-raġunament ta’ Abela jistona f’soċjetà demokratika.

Insistiet li meta xi ħadd jonqos, anke jekk ikun Prim Ministru, għandu jiġi investigat u jekk jinstab li jkun naqas għandu jitressaq quddiem il-ġustizzja biex jirrispondi għal għemilu. Insistiet li huwa b’dan il-mod biss li jkun ħallas ta’ għemilu, mhux billi jispiċċa mill-uffiċċju tiegħu.

Punt ieħor li għamlet l-għaqda kien li f’soċjetà demokratika, il-poter huwa servizz u mhux privileġġ.  “Allura ma nistgħux nifhmu kif Robert Abela jiddikjara li Joseph Muscat ħallas ta’ għemilu għax spiċċa mill-poter,” insistew l-attivisti.

Repubblika qalet li qed tistenna li l-Prim Ministru irabbi l-kuraġġ, jagħmel dmiru u ma jibqax jiddefendi “lill-konsulent tiegħu” Joseph Muscat.