“Min jixhed f’kumitat parlamentari għandu jkun eżentat minn azzjoni legali” – Speaker

L-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia qal li bħall-membri parlamentari, kull min jixhed quddiem kumitat parlamentari, għandu jkun eżentat minn azzjoni legali jew ċivili b’rabta max-xhieda li jkunu taw fil-Parlament.
Waqt diskors fl-okkażjoni tas-Sette Giugno, Anġlu Farrugia ippropona li evidenza li tingħata quddiem il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fil-Parlament, ma titqisx bħala evidenza quddiem tribunal jew qorti tal-ġustizzja.
Spjega li mhuwiex aċċettabbli li fi skrutinju parlamentari dwar l-użu tajjeb tal-finanzi pubbliċi, il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi jitwaqqaf milli jkompli jwettaq xogħlu mill-qorti.
Irrefera wkoll għal dak li sejjaħ bħala l-abbuż tal-privileġġ parlamentari minn xi membri tal-kamra, u sostna li min jissemma f’diskors taħt privileġġ, ikollu d-dritt li jwieġeb. L-Ispeaker qal li dan huwa mod ieħor kif il-Parlament jista’ jitressaq eqreb lejn iċ-ċittadin.
Aċċenna wkoll għall-isfond storiku li wassal għall-qtil tal-erba’ Maltin fl-irvellijiet tas-7 ta’ Ġunju tal-1919.
Ritratti: DOI – Pierre Sammut