Min jista’ jieħu s-siġġu ta’ Edward Scicluna fil-Parlament?

Miguela Xuereb

Read in English.

Billi tħabbar illi l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna se jirriżenja minn ministru u minn deputat parlamentari sabiex jibda jokkupa l-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali, se jħalli siġġu battal fil-Parlament.

Dan is-siġġu fuq is-seba’ distrett jista’ jittieħed minn tliet kandidati prospettivi jekk ikun hemm elezzjoni każwali: Jeffrey Pullicino Orlando, Gavin Gulia jew Charles Azzopardi.

Prof. Scicluna ilu Ministru tal-Finanzi minn Marzu tal-2013, meta tela’ fil-Gvern il-Partit Laburista. Huwa reġa’ ġie elett fl-elezzjoni bikrija tal-2017. Qabel, kien Membru tal-Parlament Ewropew bejn l-2009 u l-2013.

Fl-2017, huwa ġie elett fuq is-seba’ u t-tmien distrett, iżda żamm is-siġġu tiegħu fuq is-seba’ distrett, li kiseb bi 3,665 vot fl-ewwel għadd.

Il-kandidati li ġabu l-ogħla numru ta’ voti fl-ewwel għadd wara dawk li diġà ġew eletti huma Gavin Gulia bi 848 vot, Charles Azzopardi b’584 vot, u Jeffrey Pullicino Orlando b’572 vot.

Gulia bħalissa jokkupa l-kariga ta’ Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Azzopardi kien sindku tar-Rabat, filwaqt li Pullicino Orlando huwa ċ-Chairperson tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST).

Il-Partit Laburista jista’ jagħżel li minflok elezzjoni każwali, jimla s-siġġu battal b’koptjar, bħalma ġara biex imtlew is-siġġijiet imbattlin minn Joseph Muscat u Etienne Grech. Intgħażlu Miriam Dalli u Clyde Caruana minflokhom.

Fir-reshuffle tal-Kabinett imħabbra s-Sibt filgħaxija, tħabbar li post Scicluna fil-Kabinett se jieħdu Clyde Caruana sabiex isir il-Ministru tal-Finanzi l-ġdid. Ilbieraħ Scicluna qal li se jirtira b’moħħu mistrieħ għax Caruana huwa l-għażla ideali.