Il-Gvern jissospendi t-titjiriet minn u lejn ir-Renju Unit

Aġġornat 08:10 PM

Wara li filgħodu ħabbar li min jiġi minn hemm irid jagħmel kwarantina

Malta-international-airport
Miguela Xuereb

Read in English.

Minn għada se jkunu sospiżi t-titjiriet minn u lejn ir-Renju Unit minħabba l-varjant il-ġdid tal-Covid-19 li nstab f’pazjenti f’dan il-pajjiż. Il-Gvern ħabbar dan għall-ħabta ta’ 12pm, wara li kmieni filgħodu, kien ħabbar li min jiġi mir-Renju Unit, irid jagħmel kwarantina mandatorja.

Fl-istqarrija ġie spjegat li minkejja s-sospenzjoni tat-titjiriet, il-Maltin u l-persuni residenti f’Malta li jinsabu fir-Renju Unit bħalissa, se jitħallew jirritornaw Malta, imma se jkunu soġġetti għal PCR test mal-wasla tagħhom u jridu jagħmlu kwarantina obbligatorja ta’ 14-il jum.

Dawn l-iżviluppi ġew minħabba l-għadd allarmanti ta’ każijiet ta’ Covid-19 li feġġew fir-Renju Unit mill-varjant li nstab fl-Ingilterra madwar ġimagħtejn ilu. Dan wassal biex ilbieraħ, diversi pajjiżi Ewropej għalqu l-bibien tagħhom għal titjiriet mir-Renju Unit.

Filgħaxija tħabbar li l-varjant tal-coronavirus feġġ fl-Italja wkoll.

Intqal li din id-deċiżjoni hija waħda temporanja peress li l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin qed isegwu l-iżviluppi fir-Renju Unit, u jipparteċipaw f’diskussjonijiet mal-Unjoni Ewropea fuq is-sitwazzjoni.

Eventwalment għandha tittieħed pożizzjoni uffiċjali mill-Unjoni Ewropea fuq din is-sitwazzjoni.

Misshom jitħallew jiġu mir-Renju Unit dawk residenti f’Malta biss – Il-PN

It-tim ta’ kontra l-Covid-19 fi ħdan il-Partit Nazzjonalista wera l-fehma li għandhom jitħallew jidħlu Malta mir-Renju Unit dawk li huma residenti f’Malta biss, u dawn għandu jsirilhom test mandatorju tal-Covid-19 u jitpoġġew kwarantina.

Fi stqarrija b’reazzjoni għall-ewwel deċiżjoni tal-Gvern, li min jiġi mir-Renju Unit irid jagħmel kwarantina mandatorja, il-PN sostna li l-aħħar żviluppi fuq dan il-varjant huma inkwetanti, u li l-Gvern irid juża kemm jista’ kawtela ħalli s-sagrifiċċji li saru ma jtirux mar-riħ.

“Pajjiżna ma jistax jerġa’ jsofri l-konsegwenzi li sofra ftit tax-xhur ilu meta deċiżjonijiet manifestament żbaljati meħuda mill-Gvern, kontra l-pariri tal-professjonisti tas-saħħa u l-esperti fis-saħħa pubblika, wasslu għal kriżi bla preċedent fl-imxija tal-pandemija.”

Il-PN issokta jgħid li meta wieħed iqis li hawn mal-erba’ titjiriet kuljum mir-Renju Unit li qed jaslu Malta, huwa illoġiku u irresponsabbli li jitħallew jaslu Malta persuni oħra għajr dawk residenti f’Malta biex meta jaslu jkunu obbligati li jagħmlu 14-il ġurnata fi kwarantina bir-riskji enormi kollha li dan se jġib miegħu għas-saħħa pubblika, kif ukoll il-pressjoni akbar li se titpoġġa fuq l-uffiċjali tas-saħħa li jkunu jridu jikkontrollaw u jinfurzaw l-istess kwarantina.

Taqbel mad-deċiżjoni tal-Gvern?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt