Min jieħu post Chris Cardona m’għandux ikun MP – Zammit Lewis

Read in English.

Il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis qal li jemmen li l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit m’għandux ikun Membru Parlamentari.

Hu qal dan fid-dawl li dalgħodu tħabbret ir-reżenja uffiċjali ta’ Chris Cardona mill-irwol ta’ Deputat Mexxej. Zammit Lewis sostna li dan huwa ż-żmien opportun li jerġgħu jaħsbu sew fuq il-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.

Ir-raġuni wara dan il-parir ta’ Zammit Lewis hija sabiex il-persuna magħżula tkun ħielsa mit-tellieqa elettorali fuq bażi ta’ distrett elettorali u ffukata b’mod assolut fuq il-Partit. Qal li dan huwa aktar improtanti ladarba l-partit jinsab “fit-tmun tat-tmexxija tal-pajjiż.”

Dan huwa ż-żmien opportun li nerġgħu naħsbu sew fuq il-kariga ta’ Deputat Mexxej Għall-Affarjiet tal-Partit.Bħala…

Posted by Edward Zammit Lewis on Wednesday, June 17, 2020

Il-Prim Ministru Robert Abela qal dalgħodu li Chris Cardona bagħat l-ittra tar-riżenja tiegħu mill-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.

Hu qal dan hu u jitkellem mal-ġurnalisti quddiem Kastilja dalgħodu.

Il-Prim Ministru sostna li hu infurmat li fl-ittra tiegħu Cardona qal li qed jirreżenja mill-kariga ta’ Deputat Mexxej tal-PL. Abela qal li l-proċess diġà tnieda sabiex f’Lulju li ġej ikun hemm il-konferenza ġenerali fejn jinħatar Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-PL ieħor.

Fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista, it-Tnejn xehed Johann Cremona, li kien involut fin-negozju ma’ Fenech. Huwa qal li Melvin Theuma, is-sensar fl-assassinju, kien dejjem jgħidlu l-istess storja u jsemmi l-ismijiet ta’ Yorgen Fenech, Keith Schembri, Chris Cardona u David Gatt.