​Min jieħu l-kalmanti jista’ jagħti demm?

Hekk kif għadd ta’ persuni jieħdu trattamenti biex jikkontrollaw is-saħħa mentali tagħhom, is-Servizz Nazzjonali għat-Trasfużjoni tad-Demm iċċara jekk dawn jistgħux jagħtu d-demm.
Spjega li bħala linja ġenerali, kull min ikun qed jieħu kalmanti, ma jkunx jista’ jagħti demm, għajr wara li jgħaddi xahar minn meta t-tabib tal-persuna jwaqqfilha t-trattament.
Jgħid ukoll li jkun iktar ġust li kull każ jiġi diskuss fuq bażi personali.
Is-Servizz jissuġġerixxi li min jixtieq jagħti d-demm u jkun qed jieħu dawn it-tip ta’ pilloli għandu jċempel 80074313 u jiddiskuti din il-materja mat-tobba tas-Servizz stess.
Fakkar lil dawk f’saħħtihom li l-għoti tad-demm jista’ jsir kuljum fiċ-ċentru ta’ Gwardamanġa, bejn it-8am u s-6pm.
Nhar il-Ħadd li ġej, il-Blood Donation Unit se tkun quddiem il-Knisja Parrokkjali tan-Naxxar bejn it-8.30am u s-1pm. Fl-istess jum, l-Isptar Ġenerali t’Għawdex se jkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8am sas-1pm.