“Min jieħu ħsieb it-tfal għandu jitħarreġ dwar is-suwiċidju”

Dr Mark Xuereb qal li kull figura li b’xi mod jew ieħor se jkollha involviment attiv fl-iżvilupp tat-tfal għandha tkun imħarrġa fil-crisis management u jkunu jafu x’għandhom jagħmlu jekk jiskopru li xi tfal għandhom ħsibijiet li jagħmlu suwiċidju.

Dr Xuereb huwa l-konsulent tal-kriżijiet, u mexxej ta’ Crisis Resolution Malta. Hu tkellem fit-tul ma’ Newsbook.com.mt dwar l-importanza li wieħed ikun jaf kif għandu jirreaġixxi meta jiġi f’sitwazzjoni fejn xi persuna li jaf, ikollha ħsibijiet li tikkommetti suwiċidju.

Insista li persuni bħal avukati, skejjel, diretturi spiritwali, katekisti, l-iscouts, tal-banda, impjegati, maniġers u entitajiet oħra ta’ dan it-tip għandhom ikunu mħarrġa. Insista li t-taħriġ għandu jkun sistematiku, ibbażat fuq riċerka u ta’ benefiċċju għall-pajjiż.

Dr Xuereb spejga li hemm bżonn ta’ strateġija nazzjonali kontra s-suwiċidju li tagħti prijorità lill-prevenzjoni. Spjega li fl-2015 ippropona lill-Gvern sabiex jiltaqgħu l-entitajiet kollha kkonċernati sabiex tibda ħidma fuq din l-istrateġija.

Irrimarka li Crisis Resolution Malta waħeda tirċievi madwar 18-il telefonata u 7 imejls jew messaġġi fuq Facebook kull ġimgħa minn persuni li xebgħu jgħixu jew inkellha persuni li qed ifittxu għajnuna għal ħaddieħor. Għal din ir-raġuni insista li ħaġa bħal din għandha tittieħed aktar bis-serjeta.

Kif tinduna li persuna qiegħda f’riskju li tagħmel suwiċidju?

L-Għaqda Psikoloġika Amerikana (APA) s-sena l-oħra ħarġet b’erba’ fatturi li juru lill-persuni qrib iż-żgħażagħ li wieħed qiegħed f’riskju li jweġġa’ lilu nnifsu jew li jikkommetti suwiċidju. Dawn il-fatturi huma:

  1. Il-burdata tinbidel.
  2. Il-persuna tqatta’ ħafna aktar ħin onlajn: ir-riċerka turi li persuna żagħżugħa ma għandhiex għalfejn tagħmel iktar minn sagħtejn fuq il-midja soċjali bla waqfien.
  3. Tibdil drastiku fl-apparenza: l-apparenza tal-persuna tinbidel. Wieħed jibda jieħu inqas ħsieb tiegħu nnifsu.
  4. Akkademikament wieħed jibda jmur lura bil-mod il-mod.

X’għandek tkun taf dwar Crisis Resolution Malta?

Dr Xuereb imexxi l-unika tim f’Malta li joffri servizz ta’ appoġġ 24 siegħa kuljum. Qal li t-tim għandu linja tat-telefon (99339966) kif ukoll imejl (crisismalta@gmail.com). Spjega li dawn kollha huma għodda biex titqajjem aktar kuxjenza u titneħħa l-istigma.

It-tim għandu wkoll paġna fuq Facebook li tista’ ssibha hawn.

Dr Xuereb qal li t-telefonati jitwieġbu mill-ewwel u li s-servizz ta’ konsultazzjoni huwa b’xejn. Qal li t-tim ta’ voluntiera li jwieġbu t-telefown huma kollha professjonisti.

Jekk għaddej minn tbatija u għandek ħsibijiet dwar suwiċidju ċempel lil Crisis Resolution Malta fuq 99339966. Issib professjonisti lesti biex jgħinuk 24 siegħa kuljum.