Min jiddeverti u min jaħdem

Min jiddeverti, min jaħdem. Jum li għandu aktar minn tifsira waħda. Filwaqt li wħud ikunu bix-shutdown jew bil-leave, oħrajn jkollhom jaħdmu, iridu jew ma jridux, inkella ħaddieħor ma jkunx jista’ jgawdi u jiċċelebra.
Newsbook.com.mt ħa l-kummenti tal-Arċisqof, ta’ Kok f’Lukanda, ta’ Surġent tal-Pulizija u ta’ impjegat tax-xelter li jilqa’ lil dawk bla dar.
L-Arċisqof ta’ Malta, Charles Scicluna:
“Bħalma nagħmel kull sena, f’lejlet l-Ewwel tas-Sena mmur il-Konkatridral ta’ San Ġwann għall-Quddiesa Solenni li fiha nirringrazzjaw lil Alla ta’ kull ma għaddejna minnu u fl-istess ħin nitolbuh maħfra. Niftakar dejjem fis-sentenza ta’ San Ġorġ Preca fl-aħħar jum tas-sena, ‘Grazzi sinjur Alla u aħfirli sinjur Alla’. Imbagħad filgħaxija beħsiebni mmur għall-kwiet id-dar mal-mamà forsi nara xi film favorit. Filgħodu mbagħad inqum ftit kmieni biex nipprepara ħalli mmur id-Dar tal-Providenza  fejn ikollna Quddiesa fid-9am u b’hekk nibdew maratona ta’ solidarjetà li nawgura li bħas-snin ta’ qabel tipprovdi l-fondi neċessarji għad-Dar tal-Providenza. Imbagħad il-kumplament tal-ġurnata beħsiebni nqattagħha wkoll fil-kwiet mal-familja”.

Executive Sous Chef tal-Lukanda Hilton, Andrè Spiteri:
“Inqattgħu l-aħħar tas-sena xogħol taħt ħafna pressjoni. Dan peress li rridu noħorġu prodott ġenwin u ta’ kwalità ta’ ħames stilel. Però noħorġu xorta waħda flimkien wara. Se jkolli nħallik għax illum nkunu għaddejjin gas down. Infatti għandi meeting ħames minuti oħra.”

L-Ispettur Sergio Pisani:
“Li tkun xogħol illejla, bħal diversi jiem oħra, li aħna bħala Pulizija nqattgħu fit-toroq, nagħmluh b’sens ta’ dover u  b’hekk  inkunu ta’ tarka għas-soċjetà, għalkemm infakkar li anki l-pulizjia huwa uman u jħalli warajh id-dar il-maħbubin tiegħu. Illejla qed nistennew ammont konsiderevoli ta’ nies li joħorġu minn djarhom biex jiċċelebraw il-wasla ta’ sena oħra. Dan miegħu jġib numru ta’ sfidi, iżda ninsabu preparati biżżejjed biex nassistu u nikkordinaw f’dak kollu li jista’ jinqala’. L-appell sinċier min-naħa tagħna huwa immirat biex ikunu evitati inċidenti, billi nniedu iktar serjetà, dixxiplina u attenzjoni. Hekk intemmu sena fejn is-sewwieqa, il-passiġġieri u l-pulizija kollha jmorru d-dar jingħaqdu mal-maħbubin tagħhom.”

Impjegat tal-Fondazzjoni Dar il-Hena, il-Kok Christian Debattista
“Illum għamilna ġurnata nippreparaw għal ikla speċjali 4-course għall-Ewwel tas-Sena. Dan sabiex għada nkunu nistgħu nagħtu aktar enerġija lil min ma jkollux saqaf fuq rasu biex joħroġ jaħdem. Nippruvaw nagħtuhom aktar kuraġġ biex jaffaċċjaw id-dinja. Bħala ħaddiema preżenti se nkunu impjegat tas-sigurtà, health and social carer, u jien. Ix-xiftijiet tagħna huma tad-Day-Night-Rest-Off, però llejla dħalt minn jeddi biex ngħin u npatti xi ftit għal dnubieti wkoll.”