Min jgħidlu jibqa’ u min jgħidlu jitlaq – MPs tal-PN dwar Delia

Read in English.

Newsbook.com.mt jista’ jikkonferma li waqt laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, numru ta’ Membri Parlamentari talbu lill-Kap tal-partit, Adrian Delia biex jirreżenja. Dan wara l-kisba ta’ riżultat negattiv ieħor ibbażat fuq survej ippubblikat fil-gazzetta tas-Sunday Times of Malta. Intant, oħrajn qalu li hekk kif hemm ċans li ssir elezzjoni bikrija, dan jaf ma jkunx iż-żmien opportun li jkun hemm bidla fit-tmexxija tal-partit.

Intant, jidher li l-maġġoranza tal-MPs ma qalu xejn. Skont is-sorsi tagħna, jidher li dawn ma qalu xejn għax din id-diskussjoni qamet kemm-il darba u issa waslu f’punt li qatgħu qalbhom minnha.

Is-sorsi qalu li l-akbar tħassib tal-MPs tal-PN waqt il-laqgħa tal-lum kien kif il-partit jista’ jaħdem biex jirribatti s-sapport għall-Partit Laburista li baqa’ dejjem jikber. Qalu li Delia “sema’ l-kritika bil-kalma kollha”.

It-talba għar-reżenja bdiet minn David Thake, li aktar tard, permezz ta’ post fuq Facebook iddeskriva elementi tar-rapport tal-MaltaToday dwar il-laqgħa bħala “fake news”. Minkejja dan, fl-ebda moment ma qal li ma kienx hu dak li stieden lil Delia biex jirreżenja.

Is-sorsi qalu li fil-laqgħa kien hemm konverżazzjoni ċivilizzata li ma kellha assolutament xejn x’taqsam ma dak li ntqal fil-Qorti minn Melvin Theuma l-ġimgħa li għaddiet. L-istess sorsi qablu li dak li ġara waqt il-laqgħa “kien eżaġerat mingħajr raġuni mill-persuna li kixfet l-informazzjoni”.

Il-konverżazzjoni kienet motivata mir-riżultat tal-istħarriġ ippubblikati llum minn Times of Malta u MaltaToday. L-istħarriġ juri li Delia falla milli jimpressjona lill-elettorat, minkejja li l-mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela jidher li kiseb l-iktar rating baxx minn meta laħaq mexxej.

Skont l-istħarriġ tat-Times of Malta, il-Partit Laburista qiegħed 23 punt aktar ‘il quddiem mill-Partit Nazzjonalista. Dawk li wieġbu l-istħarriġ kienu qed jgħidu lil min kienu jivvutaw kieku l-elezzjoni kienet illum. Skont l-istess stħarriġ, aktar minn persuna fost tlieta qalu li mhux deċiżi lil min se jivvutaw. Intant f’mistoqsija li tissuġġerixxi min għandu jmexxi l-partit, Delia kklassifika fir-raba post.

Il-grupp parlamentari ltaqa’ għall-ħabta tal-10am u spiċċa fil-11.30am. Delia telaq qabel it-tmiem ta’ din il-laqgħa hekk kif kellu jidher f’intervista fuq il-midja tal-partit.

Delia kien elett bħala Kap tal-PN fl-2017. Hu rnexxielu jirbaħ vot ta’ fiduċja s-sajf li għadda wara riżultat xejn sabiħ fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-kunsilli lokali.

Pajjiż immexxi minn grupp mafjuż – Thake

Il-MP David Thake iddeskriva diversi elementi tar-rapport tal-MaltaToday bħala aħbarijiet foloz (fake news). Hu qal li ma kienx hu li talab għal laqgħa tal-grupp parlamentari. Qal li l-laqgħa ma kinitx waħda storbjuża u lanqas ma kienet dwar l-allegata offerta għall-partit. Minkejja dan, fil-post tiegħu, fl-ebda mument ma ċaħad li kien hu li talab ir-reżenja ta’ Delia.

“Mhux aħbarijiet foloz? Il-pajjiż hu mmexxi minn grupp simili għal wieħed mafjuż li qatel ġurnalista u mhux se jieqaf jipprova jaħrab ukoll mill-konsegwenzi tal-qtil u l-miljuni li nsterqu u li qed ikomplu jinsterqu,” qal Thake.