“Min jarma monti, gabbani jew imwejjed ma jistax ma jħallas xejn”

Waqt il-laqgħa tal-kabinett f'Ħaż-Żebbuġ, is-Sindku tal-lokal Alfred Grixti ppropona biex 10% minn kull liċenzja ta' vetturi għandha tibqa' għand il-Kunsilli Lokali. 
Fil-laqgħa li kienu mistiedna għaliha l-Kunsilli Lokali tar-reġjun tan-nofsinhar, Grixti qal li l-Kunsilli Lokali ma jistgħux jibqgħu jiddependu biss fuq il-flus li jingħataw mill-Gvern. 
Saħaq li tal-monti, tal-gabbani tal-festi u l-ħwienet li joħrġu l-imwejjed barra s-sena kollha ma jistgħux jibqgħu ma jħallsu xejn.
Is-Sindku ta' Ħaż-Żebbuġ ippropona li l-permessi tan-negożji għandhom jitħallsu fil-Kunsill Lokali u l-kunsilli jkollhom 10% tal-permess. Irrimarka wkoll li f'Ħaż-Żebbuġ m'hemmx dar tal-anzjani, ċentru ta' matul il-jum, night shelter child care centre. 
Is-Sindku ta' Birżebbuġa saħaq fuq il-ħtieġa ta' aktar pulizija għaliex fis-sajf jiżdiedu n-nies minħabba villeġġjatura u jgħixu għadd ta' immigranti. 
Tkellem ukoll is-Sindku taż-Żurrieq Natius Farrugia, li fost l-oħrajn qal li jkun aħjar jekk titwessa Vjal ix-Xarolla minħabba t-traffiku. 
Is-Sindku tas-Siġġiewi Karol Aquilina qal li hemm aktar modi kif jiżdiedu l-fondi tal-Kunsilli fosthom li l-Gvern għandu jagħti lura t-taxxa mħallsa mill-Kunsilli fuq xi servizz li jkunu ngħataw. 
Saħaq li l-baġit tal-Kunsilli għandu jkun fuq tlieta jew erba' snin biex il-kunsill ikun jaf minn qabel kemm għandu flus kull sena.  Dwar ir-riforma tal-gwardjani lokali, Karol Aquilina qal li wasal iż-żmien li l-gwardjani għandhom ikunu f'idejn il-Kunsilli u mhux f'idejn ir-reġjun. Appella wkoll lill-Gvern biex jaħsibha sew dwar il-proġett tal-irziezet ta' San Niklaw.
Min-naħa tiegħu s-Sindku tal-Qrendi qal li ma jistax jemmen kif lokalità turistika bħal Qrendi għadha mingħajr ATM. 
Is-Sindku ta’ Ħal Qormi Rosianne Cutajar semmiet li l-fran qed jikkawżaw aktar tniġġiż fl-arja minħabba li l-furnara m’għandhomx jew ma jnaddfux il-filters tal-arja taċ-ċmieni.  Appellat biex forsi jiġu mgħejjuna minn fondi Ewropej. Ipproponiet ukoll li minħabba t-traffiku u n-nuqqas ta’ parkeġġ terġa’ tiddaħħal is-sistema tal-parkeġġ bil-ħin għal min mhux resident. 
F’għeluq il-laqgħa mal-Kunsilli, il-Prim Ministru qal li l-infrastruttura hija tema rikorrenti f’kull laqgħa reġjonali u se jkun qed jaħdem għal aktar fondi għal toroq alterjali li jaqgħu taħt il-kunsilli.
Joseph Muscat saħaq li ġaladarba l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali jsiru f’daqqa u f’ġurnata waħda, il-flus iffrankati se jmorru f’fond apposta għall-Kunsilli.