Min jagħmel tpinġija jista’ jagħti d-demm?

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm spjega li kull min jagħmel tpinġija jista’ jagħti d-demm minn 6 xhur wara li jkun għamel it-tpinġija.

Is-Servizz spjega li llum-il ġurnata huma ħafna dawk li jagħmlu tpinġija u huma ħafna wkoll dawk li jaħsbu li min jagħmel hekk ma jkunx jista’ jagħti d-demm.

Flimkien mat-tpinġija, is-Servizz irrimarka li anke dawk li għandhom kull tip ta’ body piercing u dawk li jwettqu l-akupunktura iridu jistennew sitt xhur biex jagħtu d-demm.

Intant is-Servizz ifakkar li dawk li huma f’saħħithom u ma għandhomx dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jersqu biex jagħtu d-demm fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa kuljum mit-8am sas-6pm, fil-mobile blood donation unit li nhar il-Ħadd 2 ta’ Settembru ser ikun fil-Pjazza tas-Saqqajja r-Rabat. Dakinhar l-għoti tad-demm jista’ jsir mit-8.30am sas-1pm, u fil-Berġa tax-Xewkija f’Għawdex, il-Ħadd 2 ta’ Settembru mit-8am sas-1pm.

Dawk li se jagħtu d-demm għandu jkollhom il-karta tal-identità, jew il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.