Min jagħmel tpinġija fuq il-ġilda jista’ jagħti d-demm?

Hekk kif bħalissa x-xogħol tat-tpinġijiet u ż-żebgħa fuq il-karrijiet tal-karnival għaddej ġmielu, tajjeb li din il-ġimgħa s-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jieħu din l-okkażjoni biex jerġa’ jfakkar f’kemm żmien wieħed irid iħalli jgħaddi minn meta jkun għamel tpinġija fuq il-ġilda (tattoo) biex jagħti d-demm.

F’dan ir-rigward, minkejja l-għarfien kollu dwar l-għoti tad-demm, għad hawn min jaħseb li jekk tkun għamilt tattoo ma tkunx tista’ tagħti demm. Fil-fatt vera li ma tkunx tista’ tagħti demm, iżda għal żmien temporanju ta’ sitt xhur biss, u mhux b’mod permanenti. Dan jgħodd ukoll għal dawk li jkunu għamlu semi-permanent tattoo tal-ħuġbejn, inkluż il-microblading.

Wieħed jista’ jgħid li dan japplika wkoll għal meta persuna tkun għamlet body piercing.

Intant dawk li huma eliġibbli biex jagħtu d-demm hu mħeġġa biex jersqu:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ G’Manġa li jiftaħ kuljum mit-8.00am sas-6.00pm (l-aħħar dħul fis-6.00pm).
  • fil-Mobile Blood Donation Unit li nhar il-Ħadd 24 ta’ Frar mit-8.30am sas-1.00pm ser ikun fi Pjazza Medjatriċi, maġenb il-Knisja Parrokkjali ta’ Ħaż-Żabbar.
  • fil-Berġa tax-Xewkija f’Għawdex li nhar il-Tlieta 26 ta’ Frar ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mis-1:00pm sal-5.00pm (l-aħħar dħul fil-5.00pm).

Huwa importanti li wieħed iġib il-karta tal-identità, il-liċenzja tas-sewqan jew passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.