‘Min jagħmel 3 ijiem rikoverat l-isptar għandu jingħata benefiċċju’

OPR

L-Uffiċċju tal-Ombudsman u l-Kummissarju għas-Saħħa rrakkomanda li l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali għandu jiġi emendat sabiex pazjenti li jkunu ġew rikoverati l-isptar, anke għal tlett ijiem, ikunu intitolati għall-benefiċċju.

AQRA: Tibqgħux tinjoraw ir-rakkomandazzjonijiet – L-Ombudsman

Dan ħareġ fid-dokument dwar każijiet fil-qosor għal 2018 ippubblikat mill-Uffiċċju tal-Ombudsman.

AQRA: “Tarbija fil-ġuf mhix persuna għad-Dipartiment tas-Saħħa”; il-Gvern jiċħad
AQRA: 6 xhur jistennew iċ-ċertifikat tal-mewt ta’ binhom

Il-każ jittratta raġel li nstablu li kellu l-kanċer u kellu jingħata l-kimoterapija fit-Taqsima tal-Onkoloġija fl-Isptar Mater Dei. It-terapija kienet tinkludi sessjonijiet ta’ tlett ijiem fuq medda ta’ diversi ġimgħat. L-impjegat applika mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex jingħata l-benefiċċju tal-mard, liema talba ġiet miċħuda. Ir-raġel kien daħħal ilment mal-Uffiċċju tal-Ombudsman, biex fiċ-ċirkostanzi tal-każ jerġa’ jiġi kkunsidrat hekk kif il-benefiċċju jingħata biss wara t-tielet jum ta’ mard.

Ir-raġel kien qiegħed jieħu kura fuq bażi regolari u huwa kien diġà għamel użu mill-ammont ta’ sick leave bi ħlas li kien intitolat għalih.

X’tgħid il-liġi

Skont l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali impjegat li ma jkunx diġà eżawrixxa s-sick leave bi ħlas li jkun intitolat għalih għal dik is-sena, fl-ewwel tlett ijiem konsekuttivi li jkunu bis-sick dak l-impjegat għandu jitħallas b’mod sħiħ minn min iħaddmu. Mir-raba’ ġurnata ta’ sick leave bi ħlas, l-impjegat jiġi mħallas minn min iħaddmu l-paga sħiħa ħlief li jitnaqqas l-ammont li huma ekwivalenti għall-benefiċċju soċjali, bir-rata stabbilita mill-istess Att.

Ir-raġel ma setax japplika mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għall-benefiċċju tal-mard hekk kif it-trattament kien kull darba jdum tlett ijiem konsekuttivi.

Il-Kummissarju għas-Saħħa jikteb lid-Dipartiment

F’kommunikazzjoni li saret bejn il-Kummissarju għas-Saħħa u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali dwar l-effett tal-kimoterapija wara li jingħata t-trattament, il-Kummissarju sostna li l-perjodu ta’ irkuprar kellu jitqies bħala parti mit-trattament. Fl-opinjoni tal-Kummissarju l-liġi kellha tiġi emendata b’mod li każijiet bħal dawn ikunu indirizzati.

Fi konklużjonijiet tiegħu l-Uffiċċju tal-Ombudsman qal li f’dawn il-każijiet għandha tingħata kunsiderazzjoni speċjali. L-Uffiċċju rrakkomanda li l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali jiġi emendat sabiex il-pazjenti li jiġu rikoverati l-isptar anke jekk għal tlett ijiem ikunu intitolati għall-benefiċċju.

Id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali qal li hemm diskussjoni għaddejja sabiex f’ċirkustanzi bħal dawn wieħed ikun jista’ jibbenefika minn xi forma ta’ ħlas iżda wissa’ li l-emendi ma jridux jagħtu lok għall-abbuż.

Il-każ għadu qed jiġi kunsidrat mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali.