Min jaf x’sigrieti tpoġġew f’qalb il-Madonna – l-Isqof Grech

Betty Bugeja

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li kien hemm ħafna nies li approfittaw miż-żjara tal-kwadru tal-Madonna ta’ Pinu fil-parroċċi tagħhom f’Għawdex. Qal li ħadd ma jista’ jgħid fiċ-ċert x’intqal bejn in-nies u l-Madonna u liema sigrieti ġiew imqiegħda “fil-qalb materna tagħha” f’dawn il-jiem.

F’ittra li bagħat Mons. Grech biex tinqara matul dawn il-jumejn fil-knejjes kollha ta’ Għawdex qal li l-Għawdxin għexu mumenti “sbieħ ħafna” meta l-kwadru wasal fil-parroċċi differenti. Kien hemm nies żgħar u kbar li ferħu madwar il-Madonna.

Fi kliem l-Isqof dan kien mument storiku għad-Djoċesi fejn ħafna semgħu għall-ewwel darba tagħrif dwar l-istorja tas-Santwarju Ta’ Pinu u l-esperjenza li Karmni Grima u Franġisk Portelli kellhom tal-Verġni Mbierka fl-1883.

“Fl-istess waqt, ħafna approfittaw mill-fatt li l-Madonna Ta’ Pinu kienet daqshekk qrib tagħhom, resqu lejha, u fetħu qalbhom magħha.”

L-Isqof qal ukoll li kien ta’ faraġ kbir għad-Djoċesi li osservat li l-preżenza ta’ Marija qanqlet ħafna biex isibu ħin jitolbu quddiem Ġesù Ewkaristija, jieħdu sehem fil-quddiesa, jgħidu r-Rużarju, jippreżentaw it-trabi lill-Madonna, jersqu għas-sagramenti tal-Qrar u tad-Dilka tal-Morda, u jagħmlu karità. Mons. Grech spjega li l-waqfa qasira tal-Kwadru fl-Isptar Ġenerali kellha tifsira qawwija għal dawk li bħalissa għaddejjin mill-prova tal-mard.

L-Isqof ħeġġeġ lill-parroċċi li fadal biex “huma wkoll ma jibżgħux jieħdu lil Marija għandhom.”

Iż-żjara tal-kwadru fil-parroċċi tiġi fi tmiemha fis-27 ta’ Jannar b’pellegrinaġġ li jitlaq fl-4.30pm minn fejn il-Monument tal-Pellegrin sal-Bażilika Ta’ Pinu. Kulħadd huwa mistieden. L-Isqof għamel sejħa speċjali għall-familji.

L-Isqof irringrazzja lill-Amministrazzjoni tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, lill-Pulizija, dawk responsabbli mit-trasport tal-Kwadru, u kull min kien ta’ għajnuna.