Min jaf jirrakkonta l-aktar fl-Ewropa?

F’għeluq l-10 snin mill-bidu tal-Premju Ewropew għal-Letteratura fl-2009, l-Unjoni Ewropea qiegħda torganizza kompetizzjoni ta’ kitba msejħa “A European Story: EUPL Winners Write Europe.”

36 kittieb rebbieħ tal-Premju Ewropew għal-Letteratura minn 26 pajjiż differenti pparteċipa f’din il-kompetizzjoni, u l-kitbiet tagħhom jinsabu onlajn ħalli l-pubbliku jkun jista’ jivvota għall-kitba favorita tiegħu.

10 mill-votanti se jingħataw l-opportunità li jsiefru Vjenna għall-għoti ta’ premjijiet lill-kittieba f’Novembru 2018!

Il-membri tal-ġurija li se tagħżel lir-rebbieħa huma lkoll midħla tax-xena letterarja: Maria-João Costa (Portugall), Nina George (Ġermanja), Juancho Pons (Spanja), Cathy Rentzenbrink (Renju Unit), Liana Sakelliou (Greċja) u Marnix Verplancke (Belġju).

B’attivitajiet letterarji madwar l-Ewropa, l-Ewropej għandhom ċans jieħdu vjaġġ biex iżuru l-kittieba rebbieħa minn stati membri diversi.

Tul id-9 snin li għaddew, rebħu l-Premju 108 kittieb, fosthom 3 kittieba Maltin: Immanuel Mifsud fl-2011, Pierre J. Mejlak fl-2014, u Walid Nabhan fl-2017.