Min jabbuża mit-tfal huwa lupu mhux ragħaj – L-Arċisqof

L-Arċisqof Charles Scicluna ddeskriva lil dawk is-saċerdoti li jabbużaw mit-tfal bħala lpup ħattafa flok ragħajja. Huwa kien qed jitkellem fuq RTK 103FM biex jikkummenta dwar l-ittra li l-Papa Franġisku bagħat lill-Kattoliċi kollha tad-dinja dwar l-abbuż sesswali tal-minuri. Mons. Scicluna qal li l-Isqfijiet flimkien mal-Superjuri reliġjużi, jappellaw lil kulħadd, biex din il-pjaga niġġeldulha anke f’Malta u Għawdex.

Fil-messaġġ tiegħu l-Arċisqof sejjaħ dan l-abbuż bħala delitt ċivili. Barra dan l-Arċisqof iddeskriva l-abbuż bħala dnub, “delitt faħxi”, “traġedja ta’ vjolenza kbira”, pjaga li rridu niġġeldulha u “traġedja tħares kif tares lejha”.

Il-Papa rrabjat

Mons. Scicluna semma li fl-ittra tiegħu l-Papa jesprimi s-sogħba, il-frustrazzjoni, u anke r-rabja għal dan id-delitt faħxi li jagħmel ħsara lil tant persuni għaliex wara kull vittma hemm il-familja tiegħu jew tagħha, il-ħbieb, il-qraba, hemm ukoll relazzjonijiet umani li jitkissru, “biex ma ngħidux ukoll li titkisser il-ħajja tal-fidi”.

Il-Papa jitlob minna, qal l-Arċisqof, mhux biss it-talb u s-sawm, imma jitlob ukoll kultura ġdida li fejn hemm il-ħażen, ma nibżgħux niddenunċjawh, insejħulu b’ismu, nitkellmu dwaru, u naġixxu.

Irrappurtaw malajr

Huwa appella lil min ikun abbużat biex jitkellem kemm jista’ jkun malajr. L-Arċisqof qal li “ma jistax ikun li quddiem l-abbuż, aħna jew nagħlqu għajnejna, jew nagħlqu ħalqna, jew intarrxu widnejna”. Semma li l-Kummissjoni tal-Ħarsien tat-tfal u l-minuri magħrufa bħala s-Safeguarding Commission li tinvestiga kull akkuża li tiġi quddiemha hija magħmula minn esperti minn diversi oqsma, dejjem timxi skont il-liġi Maltija u jekk ikun il-każ mill-ewwel isir rapport lill-Pulizija.

L-Arċisqof spjega li kienet għażla tal-Isqfijiet u tas-Superjuri reliġjużi f’Malta u Għawdex li l-investigazzjonijiet ma jsirux mill-Kurja jew mill-Provinċja imma jsiru minn dan il-grupp ta’ esperti.

“Insellem lis-saċerdoti”

L-Arċisqof sellem lil tant saċerdoti u reliġjużi li jgħixu ħajja sabiħa ta’ ragħajja vera tal-poplu ta’ Alla u li forsi f’dawn il-jiem jiġu mistmerrha u kkritikati minħabba d-delitti faħxija ta’ xi wħud. Huwa qal li għandna bżonn ukoll li l-komunità tiddefendi lilha nnifisha kontra min jinqeda bl-Ordni Sagri biex jagħmel ħsara; u li biex ikun hemm il-maħfra jrid ikun hemm ukoll il-ġustizzja, u l-ġustizzja tirrikjedi l-kuraġġ u l-umiltà tal-verità.

Ambjent li jipproteġi lill-innoċenti

Il-kelma qawwija tal-Papa Franġisku, qal l-Arċisqof, tgħinna biex inkunu komunità sabiħa fejn l-innoċenti huma mħarsa, fejn kull min għandu bżonn l-għajnuna jsibha, u anke min dineb, meta jgħaddi minn dak li għandu bżonn iħallas quddiem il-ġustizzja tal-bniedem u jitlob maħfra quddiem Alla u l-komunità, isib ukoll komunità li taf tipproteġi lilha nfisha imma ma teskludi lil ħadd.

Fl-aħħar tal-messaġġ tiegħu l-Arċisqof appella biex noħolqu ambjent fejn l-innoċenti jiġu protetti. Huwa qal li dan isir bil-mod kif nużaw l-internet.

Il-messaġġ sħiħ tal-Arċisqof tista’ taqrah hawn.