Min isofri mill-vjolenza domestika għandu jirrapporta – L-Isqof Awżiljarju

Miguela Xuereb

Read in English.

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ Ħamis ix-Xirka l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi tkellem dwar kif nistgħu nkunu ta’ servizz lill-oħrajn waqt din il-pandemija tal-coronavirus. Huwa kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg għall-programm Newsbook Hour fuq 103 Malta’s Heart.

L-Isqof Awżiljarju qal li l-festa ta’ Ħamis ix-Xirka hija marbuta ħafna mal-idea ta’ servizz lill-oħrajn kif muri anke fiċ-ċerimonja tal-ħasil tar-riġlejn li s-soltu ssir waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa f’Ħamis ix-Xirka filgħaxija. Huwa qal li importanti nieħdu ħsieb inżommu kuntatt mal-oħrajn, l-aktar dawk vulnerabbli, permezz tal-mezzi moderni tal-komunikazzjoni.

Huwa semma l-familji fejn ikun hemm il-vjolenza domestika. Qal li dawn ibatu ħafna aktar minnħabba l-kwarantina. Ħeġġeġ lil min ikun vittma ta’ vjolenza domestika biex jirrapporta u jfittex l-għanjnuna minflok joqgħod isofri fil-paċenzja u ma jagħmel xejn.

“Hemm min lest jgħin”, qal Mons. Galea Curmi “u fittxu din l-għajnuna.”

Semma l-eżempju ta’ waħda mara li fil-weekend issajjar għal tliet persuni li joqogħdu waħedhom.

Is-saċerdozju hu servizz

Peress li Ħamis ix-Xirka hija meqjusa bħala l-okkażjoni meta Kristu waqqaf is-saċerdozju, l-Isqof Galea Curmi spjega kif is-saċerdozju hu servizz. Huwa ta diversi eżempji dwar kif diversi qassisin qed jgħinu lill-parruċċani tagħhom u qassisin oħra, dejjem skont id-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Semma li ċ-ċelebrazzjoni li s-soltu ssir f’Ħamis ix-Xirka filgħodu u li fiha l-qassisin iġeddu l-wegħdiet tal-ordinazzjoni tagħhom, din is-sena ġiet posposta għal data meta tkun għaddiet il-pandemija.