“Min isib ir-Rużarju jkun sab muftieħ tad-deheb” – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Monsinjur Mario Grech f’ċirkolari li se tinqara nhar il-Ħadd li ġej waqt il-quddies fid-Djoċesi ta’ Għawdex, tkellem dwar l-importanza tat-talba tar-Rużarju.

L-Isqof Grech saħaq li ż-żjara tal-kwadru tal-Madonna ta’ Pompei fid-djoċesi Għawdxija kienet grazzja biex tiġi mfakkra t-talba tar-rużarju li ftit tas-snin ilu “kienet it-talba li tiġbor il-familji kollha tagħna,” u kkwota lil Bartolo Longo, li bena s-Santwarju ta’ Pompei fl-Italja, meta qal li “min jgħid ir-Rużarju, isalva”.

Mario Grech tkellem dwar il-qawwa tat-talba tar-Rużarju u qal li minn jgħożż din it-talba għandu l-għodda biex jibdel ħajtu u s-soċjeta’ ta’ madwaru għax fi kliemu “min isib ir-Rużarju ikun sab muftieħ tad-deheb nieżel mis-sema li bih nistgħu niftħu l-ktieb il-kbir dwar Alla u dwar il-bniedem.”

Fl-aħħarnet l-Isqof Grech stieden partikolarment lill-ġenituri biex jiġbru lill-familja tagħhom sabiex matul ix-xahar ta’ Ottubru, ddedikat lill-Madonna tar-Rużarju, jgħidu din it-talba flimkien.

Fakkar ukoll li fit-13 ta’ Ottubru l-Papa se jikkonsagra d-dinja lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija u ħeġġeġ lil kulħadd biex jingħaqad mal-Papa f’dan il-mument.