Min iservi l-laħam taż-żiemel obbligat iżomm rekord minn fejn xtrah – Herrera

Il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera qal fil-Parlament li kull restorant, każin jew ħanut tax-xorb li jservi l-laħam taż-żiemel, huwa obbligat iżomm rekord ta’ minn fejn xtrah.

Hu kien qed iwieġeb għal mistoqsija Parlamentari tad-deputat Godfrey Farrugia. Farrugia qal li jidher li hemm min qed jaħrab mir-regoli li jħarsu s-Saħħa Pubblika, u b’hekk staqsa l-Ministru jgħid x’rimedji qed jittieħdu biex ma jkunx hemm ksur.

Herrera spjega li l-irwol tal-Ministeru f’dan il-qasam huwa li d-Direttorat tar-regolazzjoni Veterinarja jagħmel kontrolli uffiċjali fuq il-laħam taż-żiemel fil-biċċeriji pubbliċi, kif ukoll fuq l-importazzjoni tal-laħam taż-żiemel. Qal li dan isir regolarment. Meta jidħlu rapport ta’ qtil illegali, kemm jekk b’mod anonimu u anke jekk le, issir investigazzjoni immedjata u jekk jirriżulta li minnu, dan jitwaqqaf u jittieħdu passi immedjatament.

Aqra: 100 żiemel maqtula fil-Biċċerija

Hu kompla jispjega li jsiru wkoll kontrolli mid-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika fejn tidħol il-katina tal-ikel. Kull min għandu negozju fil-qasam tal-ikel huwa legalment obbligat li jżomm evidenza u traċċa ta’ minn fejn oriġina l-ikel li jipproduċi. Huma obbligati jipprovdu evidenza lill-Awtoritajiet kompetenti fuq minn fejn ġej il-laħam taż-żiemel tagħhom.

Skont statistika li tressqet fil-Parlament mill-istess Ministru fil-passat ħareġ li 100 żiemel ġew maqtula fil-biċċerija mis-sena 2013 ’l hawn. L-istatistika turi wkoll li matul l-aħħar sitt snin kien hemm tnaqqis drastiku fir-rata taż-żwiemel maqtula fil-Biċċerija. Fl-2013 inqatlu 40 żiemel filwaqt li s-sena ta’ wara n-numru kien diġà naqas bin-nofs. Din is-sena nqatel żiemel wieħed.