Min iridha tibqa’; min jgħid li messha rriżenjat – il-President tirreaġixxi

Kien hemm reazzjonijiet diversi dwar dak li ġie żvelat ilbieraħ fuq The Sunday Times of Malta, li l-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca tixtieq li jiġġedded it-terminu tagħha bħala President tar-Repubblika.
Il-gazzetta rrappurtat kif sors fl-Uffiċċju tal-President qal li l-President Coleiro Preca tinsab “ħerqana ħafna” li tagħmel it-tieni terminu f'din il-kariga.
L-istess sorsi kkwotati mill-gazzetta ma eskludewx li l-President tirritorna fil-politika billi tikkontesta l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
L-Uffiċċu tal-President jirreaġixxi
L-Uffiċċju tal-President qal li qatt ma kien hemm diskussjonijiet formali jew informali u lanqas sinjali diplomatiċi dwar il-possibiltà li l-President isservi t-tieni terminu tagħha.
Fl-istqarrija, l-Uffiċċju tal-President innota wkoll li ż-żewġ partiti ilhom iwiegħdu riformi Kostituzzjonali mill-2013, qabel ma’ Marie-Louise Coleiro Preca ġiet appuntata President.
Fost dawk li kkummentaw, b’mod indirett, kien hemm il-Prim Ministru Joseph Muscat, li waqt attività politika lbieraħ filgħodu f’San Ġwann qal li "l-poplu jimxi 'l quddiem għax iħobb lill-pajjiż mhux minħabba minn hemm fil-poter, jista' jkun Kastilja jew San Anton".
Id-deputat Nazzjonalista Mario Galea f’kumment fuq Facebook qal li “flok irriżenjat fuq "paqpaqli" trid tibqa' ħames snin oħra”. Dan l-argument dwar il-każ fil-Qorti b’rabta mal-inċident waqt l-attività Paqpaqli għall-Istrina, issemma bosta drabi minn għadd ta’ persuni. Saħansitra qalu li l-inċident u l-mod kif żviluppa huma biżżejjed biex il-President tirriżenja.
Oħrajn staqsew jekk hux veru li l-President qed tikkunsidra lilha nnifisha “insostitwibbli” fil-politika lokali, tant li lesta ddaħħal lil pajjiż f’dibattitu politiku dwar jekk għandhiex tinbidel il-Kostituzzjoni għall-benefiċċju tagħha.
Fost dawk li ssuġġerew għażliet oħra għall-President, persuna partikolari ħeġġitha biex wara li t-terminu jispiċċa, tikkunsidra twaqqaf Fondazzjoni biex tisfrutta l-popolarità tagħha għall-ġid tal-oħrajn.
Intant, oħrajn qablu li l-President għandha tkompli b’terminu ieħor. Fost dawn il-kummenti, persuna partikolari kiteb li l-kunċett ta’ kap ta’ stat titular, jiġifieri mingħajr poteri, hu simbolu ta’ għaqda u stabbiltà u li terminu wieħed ta’ ħames snin mhux biżżejjed.
Persuna oħra qalet li l-President Coleiro Preca tkun qed tagħmel unur lil Malta jekk titħalla tagħmel terminu ieħor.
Bħalissa l-President tinsab fil-Kroazja fuq żjara statali.