Min iridha ‘Floriana’ u min ‘il-Furjana’!

Skont il-Kunsill tal-Malti, ‘il-Furjana’ għandu jkun l-isem li għandu jinkiteb għal din il-lokalità.
Dan hekk kif ilbieraħ reġgħu tqajmu diskussjonijiet fil-Forum tal-Qarrejja tal-Provi wara li l-Kunsill Lokali tal-Furjana ħareġ stqarrija li skont l-Att Dwar Kunsilli Lokali (Kapitlu 363 tal-Liġijiet ta’ Malta), l-isem uffiċjali huwa ‘Floriana’.
Il-Kunsill Lokali argumenta li l-isem ‘Floriana’ ġej minn isem l-Inġinier Pietro Paolo Floriani, li bena s-swar li jiċċirkondaw il-lokalità. Għaldaqstant saħaq li fir-rappurtaġġ tal-midja għandu jintuża l-isem uffiċjali ‘Floriana’.
Madanakollu, il-President tal-Akkademja tal-Malti Dr Olvin Vella saħaq li ‘l-Furjana’ hi l-isem bil-Malti filwaqt li ‘Floriana’ hi l-isem bit-Taljan u llum il-ġurnata bl-Ingliż ukoll.
Kompla jgħid li l-isem ‘il-Furjana’ mhuwiex malapropiżmu, jiġifieri l-użu ta’ kelma minflok oħra li tkun tixbahha ħafna.
Barra minn hekk, il-manwal tal-ortografija ‘Nikteb il-Malti Tajjeb’ tal-President tal-Għaqda tal-Provi Karl Scicluna jagħti l-isem ‘il-Furjana’ fil-verżjoni Maltija filwaqt li l-verżjoni Ingliża hi dik ta’ ‘Floriana’.
Ritratt: Kunsill Lokali Furjana