Min irid test għall-virus jista’ jċempel anke jekk bla sintomi

Dawk in-nies li jridu li jiġu ttestjati għall-coronavirus jistgħu jagħmlu appuntament billi jċemplu l-111 anke jekk ma jkollhomx sintomi.

Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt persuni involuti fil-proċess tal-iswabbing ġew infurmati li nies li m’għandhomx sintomi tal-COVID-19 jistgħu xorta jagħmlu appuntament għat-test. Dan isir billi jċemplu fuq il-helpline tal-Gvern 111.

Jidher li din hija miżura temporanja hekk kif in-numru ta’ każi fl-aħħar jiem kien relattivament baxx. Madanakollu, l-awtoritajiet qed jibqgħu jappellaw lin-nies biex jimxu mal-miżuri li qegħdin fis-seħħ.

Din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata lill-professjonisti qabel il-konferenza tal-aħbarijiet tas-Supretendenza tas-Saħħa Pubblika.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet tan-12.30pm il-Professur Gauci ġiet mistoqsija dwar ir-random testing.

Il-Prof. Gauci qalet li r-random testing qed isir fuq professjonisti fil-qasam tas-saħħa, carers qabel ma jidħlu f’xi dar tal-anzjani u nies fis-servizzi essenzjali. Qalet li qed isiru testijiet fuq nies fl-armata u fil-Korp tal-Pulizija fost oħrajn. Dan anke jekk ikunu bla sintomi bħala miżura biex Malta ssaħħaħ it-testing tagħha.

Gauci ma tkellmitx dwar id-deċiżjoni li kienet ġiet komunikata qabel il-konferenza tagħha.

Qabel dawk li kienu jċemplu l-helpline kienu jiġu mistoqsija għadd ta’ mistoqsijiet biex l-awtoritajiet jaraw jekk kinux eleġibbli għat-test tal-coronavirus.

Malta llum ġew reġistrati 2 każi ġodda ta’ coronavirus. Fiequ wkoll erba’ persuni oħra.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn