Min ingħata Ġieħ ir-Repubblika?

DOI - Clifton Fenech

Read in English.

Ta’ kull sena, f’Jum ir-Repubblika, il-President ta’ Malta jagħti ġieħ pubbliku lil għadd ta’ Maltin li jiddistingwu ruħhom f’oqsma differenti tal-ħajja. Dan jagħmlu b’ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Mertu jew fix-Xirka Ġieħ ir-Repubblika, jew bl-għoti tal-Midalja għall-Qlubija u tal-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

Jingħata wkoll ġieħ lil dawk il-persuni ta’ nazzjonalità barranija li jkunu ddistingwew ruħhom f’oqsma differenti tal-ħajja, fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet internazzjonali jew li jkunu kisbu r-rispett u l-gratitudni tal-poplu tal-gżejjer Maltin.

Din is-sena, iċ-ċerimonja ta’ investiture saret fil-Palazz, il-Belt Valletta wara l-Parata Ċerimonjali f’Misraħ San Ġorġ. Il-President George Vella ta ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu lil ħames persuni, tnejn minnhom fuq bażi onorarja u persuna wara mewtha. 11-il persuna ngħataw il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika. Tlieta minn dawn ingħataw l-unur fuq bażi onorarja u tnejn wara mewthom.

Karmenu Vella

Karmenu Vella li twieled iż-Żurrieq fl-1950 huwa gradwat bħala Perit mill-Università ta’ Malta u wara kiseb Master of Science in Tourism Management mill-Università ta’ Sheffield. Vella serva u kkontribwixxa fil-proċess demokratiku Malti għall- perjodu ta’ ’l fuq minn 40 sena. Huwa ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament fl-1976 u baqa’ jiġi elett fl-elezzjonijiet sussegwenti għal disa’ darbiet konsekuttivi. Matul il-karriera politika tiegħu huwa nħatar Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Ministru għall-Industrija u darbtejn oħra bħala Ministru għat-Turiżmu. Karmenu Vella, ċeda s-siġġu parlamentari tiegħu fl-2014, wara li ġie nominat bħala Kummissarju Ewropew. Matul il-mandat tiegħu, Karmenu Vella żviluppa wkoll rwol internazzjonali ewlieni għall-Unjoni Ewropeja fil-qasam tal-governanza tal-oċean, ippromwova l-Blue Economy b’żieda ta’ investiment u ħadem sabiex itejjeb s-sostenibbiltà ambjentali, ekonomika u soċjali tas-sajd fl-Ewropa u madwar id-dinja.

Il-Prof. Jovan Kurbalija

Il-Prof. Jovan Kurbalija għandu esperjenza professjonali u akkademika fil-liġi internazzjonali, fid-diplomazija, u fit-Teknoloġija Informatika. Huwa kien pijunier fil-qasam tad-diplomazija ċibernetika sa mill-1992, minn meta waqqaf l-Unità għat-Teknoloġija Informatika u d-Diplomazija fi ħdan l-Akkademja Mediterranja għall-Istudji Diplomatiċi f’Malta. Sa mill-1997, ir-riċerka u l-artikli tal-Prof. Kurbalija dwar id-diplomazija ċibernetika taw forma lill-argument dwar ir-riċerka u l-politika tal- impatt tal-Internet fuq id-diplomazija u r-relazzjonijiet internazzjonali.

Il-Prof. Raymond Mangion

Il-Prof. Raymond Mangion twieled il-Ħamrun fl-1959. Huwa kien l-awtur tal- iskritt ta’ programmi tar-rediffusion u tar-radju f’età żagħżugħa ħafna. Fl-1978, kien l-ewwel persuna fl-istorja tax-Xandir f’Malta li nieda sensiela dwar il-bliet u l-irħula Maltin kif ukoll dwar il-bijografija ta’ persunaġġi Maltin. Fl-1981, beda jdur Malta biex jiġbor il-memorja kollettiva tan-nazzjon Maltija u li issa tikkonsisti fil-konservazzjoni ta’ mijiet ta’ tifkiriet. Fl-istess sena assista lill-President ta’ Malta ta’ dak iż-żmien Dr Anton Buttigieg fin-nisġa tal-ktieb awto-bijografiku: ‘Il-Minġel tal-Gwerra’.

Tony Zahra

Tony Zahra li twieled f’Tas-Sliema fl-1945 huwa l-President tal- Assoċjazzjoni tal-Lukandi u Ristoranti Maltin (MHRA). Zahra huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-pijunieri fl-industrija tat- turiżmu f’Malta u matul il-karriera tiegħu kellu u mexxa numru ta’ kumpaniji tal-ivvjaġġar fl-Ingilterra u l-Olanda, kif ukoll lukandi u akkomodazzjonijet oħra f’ Malta. Ta’ 18-il sena huwa beda l-karriera tiegħu billi investa f’kumpanija tal- karozzi tal-kiri. Dan kien fi żmien li Malta kienet qed tkabbar l-industrija tat-turiżmu.

Il-Prof. Joseph A. Buttigieg

Imwieled Il-Ħamrun fl-1947, il-Professur Joseph A. Buttigieg studja ġewwa l-Università ta’ Malta u kiseb ukoll post-graduate degree, B.Phil mill-Kulleġġ Heythrop ġewwa Oxford. Wara kien emigra lejn l-Istati Uniti sabiex ikompli għad-dottorat fl-Ingliż fl-iState University ta’ New York fejn, fl-1976, kiseb Ph.D b’dissertazzjoni fuq l-estetika tan-novella ‘A Portrait of the Artist as a Young Man’ ta’ James Joyce. Fl-istess sena huwa mar Las Cruces fi New Mexico fejn beda jgħallem ġewwa Università tal-Istat ta’ New Mexico. Fl-1979 huwa ħa ċittadinanza Amerikana.

Il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika

Anthony Bezzina

Anthony Bezzina twieled ir-Raħal Ġdid fl-1948. Huwa imprenditur magħruf u kkunsidrat bħala wieħed mill-pijunieri fil-qasam marittimu lokali. Huwa wkoll rispettat ħafna fil-lokalità tiegħu għall-kontribuzzjoni tiegħu fil-qasam soċjali u filantropiku. Wara li temm l-istudji tiegħu, Bezzina ingħaqad ma’ missieru fin- negozju tal-familja. Minkejja l-età żgħira li kellu huwa wera inizjattiva u maturità li għenitu biex avvanza fil-karriera, fejn preżentement qed jokkupa l-pożizjoni ta’ Direttur tal-kumpaniji li jagħmlu parti minn Bezzina Group. Dan il-Grupp jikkonsisti minn 4 kumpaniji, Salv Bezzina and Sons Ltd, Bezzina Maritime Services Ltd, Bezzina Ship Repair Yard u Bezzina Steel Fabrications Ltd.

Kan. John Mary Cauchi

Kan. John Mary Cauchi, jew kif inhu aktar magħruf, Dun Ġanmari Cauchi, twieled fl-1942 ġewwa l-Għarb, Għawdex. Fis sena 1963, meta kellu 21 sena kien mar il-Brażil sabiex ikompli l-istudjI tiegħu fuq it- teoloġija. Dun Ġanmari Cauchi ġie ordnat qassis mill-Arcisqof José Maria Pires fid-djoċesi ta’ Paraiba ġewwa l-Brażil fl-1967, fejn baqa’ jaħdem hemm bħala qassis għal madwar 50 sena. Meta għalaq 75 sena u kien ilu 50 sena qassis ġewwa l-Brazil, huwa ddeċieda li jirritorna lura lejn il-gżira Għawdxija fejn għadu jagħti s-servizz tiegħu fis-Santwarju Ta’ Pinu u d-Dar tal-Anzjani ta’ Pompej sal-ġurnata tal-lum.

Joe Grech

Joe Grech twieled Bormla u huwa magħruf li introduċa kanzunetti bil- lingwa Maltija fix-xena internazzjonali.  Grech rebaħ l-ewwel edizzjoni tal-Malta Song Festival li sar fl-1960 ġewwa r-Radio City Opera House fil-Ħamrun bil-kompożizzjoni tiegħu ‘Vola Uccellino’. Fl-1962, reġa rebaħ l-istess Festival bil-kanzunetta ‘Żgħażagħ Rebbieħa’. Fl-1971, Joe kien l-ewwel kantant Malti li rappreżenta lill-Malta fil- Eurovision Song Contest bil-kanzunetta ‘Marija l-Maltija’ li kkompona hu stess b’lirika ta’ Charles Mifsud.

Lino Grech

Lino Grech li twieled f’tas-Sliema fl-1930 kien attur, direttur u kittieb distint ta’ xogħlijiet teatrali. Numru ta’ skejjel ta’ drama twaqqfu bl-inizzjattiva tiegħu u huwa kien iddedika ħajtu sabiex jippromwovi d-drama u t-teatru. Huwa kien magħruf għad-diversi kitbiet ta’ drammi fosthom, ‘F’Baħar Wieħed’, ‘Ipokriti’, ‘Ingroppi’, ‘Simpatiċi’, ‘Tgħannieqa’ u ‘Kristu tal-Kerrejja’.

Alfred C. Sant

Alfred C. Sant twieled il-Mosta fl-1945. Sant minn dejjem wera interess fil-kultura partikolarment fil-qasam tal-mużika kontemporanja. Fuq firxa ta’ madwar ħamsin sena, flimkien mal-kompożitur Ray Agius, kiteb għadd kbir ta’ kanzunetti magħrufa li llum tista’ tgħid saru parti mill-folklor Malti. Fost dawn insibu diski bħal ‘L-Ewwel Tfajla li Ħabbejt’, ‘Computer’, ‘Sal-Aħħar’, ‘Fjura fil-Kantina’, ‘Fejn tħobb il- qalb’ u ‘Dak Kien Żmien’.

It-28 Atleta tal-iSpecial Olympics Malta

It-28 Atleta tal-iSpecial Olympics Malta bi sfidi differenti, rebħu 40 midalja, fosthom 12 tad-deheb, 13 tal-fidda u 14 tal-Bronż f’disà dixxiplini sportivi waqt l-Olimpijadi Speċjali li saru din is-sena f’Abu Dhabi. Dawn l-atleti kellhom taħriġ intensiv għal tlett snin sħaħ fejn b’sagrifiċċju kontinwu, b’impenn, b’dixxiplina u b’dedikazzjoni, anke minn naħa tal-coaches u l-familjari tagħhom, irnexxielhom jiksbu riżultati tajbin ħafna.

Loranne Vella Zahra

Loranne Vella Zahra twieldet f’Għawdex fl-1971. Waqt il-proġett ta’ riċerka undergraduate tagħha fl-1994, hija iżolat, identifikat u semmiet batterju ġdid li jappartjeni għall-ġeneru Salmonella – imsemmi bħala Salmonella Gozo – ad unur il-gżira fejn ġie iżolat il-batterju għall- ewwel darba. Sussegwentement hija ggradwat b’first class honours fil- farmaċija mill-Fakultà tal-Mediċina u Kirurġija fl-Università ta’ Malta. Vella Zahra kompliet ir-riċerka postgraduate fil-mikrobijoloġija medika gewwa d-Dipartiment tal-Patoloġija, fl-Università ta’ Malta. Ix-xogħol tagħha kien jiffoka fuq id-dijanjosi klinika ta’ infezzjonijiet mill-fungus, fejn kisbet finanzjament lokali sabiex tgħin lill-pazjenti b’dan il-mard. Bis-saħħa ta’ dan, fl-1995, hija rnexxiela twaqqaf l-ewwel laboratorju tal-mikoloġija medika għall-istudji kliniċi u għall-iżolazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ fungi patoġeniċi.

John Zammit

John Zammit twieled fl-1948 u huwa l-president attwali tal-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu. Matul il-karriera kompetittiva tiegħu, huwa mhux biss irrappreżenta lil Malta f’numru ta’ avvenimenti importanti barra l-pajjiż iżda kellu wkoll karriera ta’ tliet snin mal-klabb Sqalli GS Lampolet ta’ Katanja fejn rebaħ bosta unuri għat-tim Sqalli matul it-tliet snin tiegħu magħhom. Madankollu, għandu rabta u dedikazzjoni kbira għal BMX Malta Association, li hu mhux biss il-president ta’ din il-Fondazzjoni, iżda wkoll il-fundatur. Grazzi għall-inizjattiva tiegħu, huwa rnexxielu jattira eluf ta’ żgħażagħ lejn l-isport matul is-snin.

José-María Ballester Fernandez Fontes

José-María Ballester Fernandez Fontes, kien sal-2005, Direttur tal-Kultura u tal-Patrimonju Naturali u Kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa. Huwa kien responsabbli sabiex il-Camino de Santiago jiġi proklamat bħala l-ewwel itinerarju kulturali Ewropew. Qabel ma ngħaqad mal-Kunsill tal-Ewropa huwa kien konsulent fl- Uffiċċju tad-Direttorat Ġenerali tal-Arti (1968-1970), Kuratur tal-Wirjiet fil-Ministeru tal-Affarijiet Barranin (1969-1979) u Direttur taċ-Ċentru għall-Formoli Espressivi Ġodda (Ministeru tal-Kultura, 1978–1979). Fl-1979, huwa ssieħeb fil-Kunsill tal-Ewropa fejn kellu diversi karigi relatati mal-Wirt Kulturali.

Roland Oreste Cassar

Roland Oreste Cassar, twieled l-Eġittu fl-1934 fejn baqa’ jgħix sa ma kellu sbatax-il sena. Ta’ din l-età żgħira, huwa telaq mill-pajjiż sabiex jistudja dwar l-Inġinerija ajrunawtika ġewwa l-Ingilterra. Huwa baqa’ Bristol għal 13-il sena fejn kien inkarigat sabiex jiddisinja s-sezzjoni tad-denb vertikali tal-famuż ajruplan supersoniku, il-Concorde. Meta McDonnell Douglas, li hija korporazzjoni ewlenija Amerikana tal-manifattura tal- ajruspazju u kuntrattur għad-difiża, marret l-Ingilterra għal reklutaġġ ta’ inġiniera li kellhom għarfien ta’ esperjenza supersonika, huma offrew lil Roland pożizzjoni prestiġjuża fil-faċilità tagħhom ġewwa Long Beach, California.

Natalie Muschamp

Natalie MuschampNatalie Muschamp hija d-Direttur Maniġerjali ta ‘Step up for Parkinson’. Oriġinarjament studjat iż-żfin fl-Olanda u temmet b’suċċess Masters b’riċerka fuq l-istudju taż-żfin f’Malta. L-ewwel konnessjoni mal-marda ta’ Parkinson kienet fil-familja tagħha stess. Biex tkun tista’ tospita dawn il-klassijiet bla ħlas, Muschamp applikat għall-finanzjament u waqfet l-organizzazzjoni volontarja Step Up for Parkinson’s. L-Organizzazzjoni kibret malajr minn 8 għal 190 parteċipant, fejn tospita 9 klassijiet fil-ġimgħa f’Malta u għandha ħdax- il għalliem mħarreġ li jaħdem għal din l-organizzazzjoni. Hija għandha l-għan li tkompli tospita dawn il-klassijiet bla ħlas u li tgħin lin-nies milquta minn din il-marda kif ukoll lill-persuni li jieħdu ħsiebhom billi jtejbu bla waqfien il-metodoloġija permezz tar-riċerka u l-iżvilupp.