Min ingħata Ġieħ ir-Repubblika din is-sena?

Kull sena f’Jum ir-Repubblika, il-President ta’ Malta, f’isem il-Gvern u l-poplu Malti, tagħti ġieħ pubbliku lil għadd ta’ Maltin li jiddistingwu ruħhom f’oqsma differenti tal-ħajja b’ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu jew fix-Xirka Ġieħ ir-Repubblika, jew bl-għoti tal-Midalja għall-Qlubija u tal-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika.

Matul iċ-ċerimonja ta’ din is-sena, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca, tat ħatriet fl-Ordni Nazzjonali tal-Meritu lil 12-il persuna, tnejn minnhom fuq bażi onorarja u persuna wara mewtha. 10 persuni oħra ngħataw il-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika. Wieħed minn dawn tal-aħħar ingħata l-unur fuq bażi onorarja.

Min huma r-rebbieħa ta’ din is-sena?

  1. Tonio Borg

Tonio Borg kien deputat tal-Kamra tad-Deputati għal għoxrin sena. Illum il-ġurnata, Dott Borg huwa lettur residenti dwar id-Dritt Pubbliku fl-Università ta’ Malta fejn għadu kif illawrja PhD fil-liġi.

DOI – Jason Borg
  1. John Dalli

John Dalli huwa magħruf l-aktar għall-ħidma tiegħu fil-qasam tal-politika. Wara l-mewt ta’ missieru, huwa kompla fuq il-passi tiegħu kemm bis-sehem tiegħu fil-politika kif ukoll fuq ix-xogħol ta’ kuntrattur, fejn fost il-ħafna proġetti ta’ bini, ħa l-inkarigu tat-tlestija tal-bini tal-GWU ġewwa l-Belt Valletta.

  1. Adrian Vassallo

Adrian Vassallo fejn iggradwa bħala tabib fl-1979. Huwa ħadem ġewwa l-isptarijiet Maltin u wara fil-qasam tal-Kura Primarja. Fis-sena 1992, it-tabib Vassallo kkontesta l-Elezzjoni Ġenerali għall-ewwel darba f’isem il-Partit Laburista.

  1. Emmanuele Francesco Maria Emanuele di Villabianca

Emmanuele Francesco Maria Emanuele di Villabianca, Baruni ta’ Culcasi, huwa professur fl-Università, Avukat fil-Qorti Superjuri, ekonomista u bankier. Il-Baruni kien attiv fil-qasam tas-saħħa fejn kien Deputat Chairperson fl-Emanuele Cancer Research Foundation Malta. Permezz ta’ din il-fondazzjoni, il-Baruni qed jiffinanzja r-riċerka dwar il-kanċer u qed jaħdem bla heda sabiex Malta ssir ċentru sostenibbli ta’ riċerka dwar il-kanċer fir-Reġjun tal-Mediterran.

  1. Michio Endo

Michio Endo twieled fil-Ġappun fl-1936. Bil-ħila tal-impenn tiegħu, Malta tpoġġiet fuq il-mappa għal eluf ta’ turisti li jiġu mill-Ġappun u anke għall-istudenti tal-lingwa Ingliża. Fl-1997 Endo nħatar rappreżentant tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu fil-Ġappun.

  1. Joan Abela

Għal aktar minn 14-il sena, Abela serviet b’mod attiv bħala voluntiera u mexxiet il-proġett ta’ rijabilitazzjoni tal-Arkivju Notarili billi waqqfet il-‘Fondazzjoni Arkivju Notarili’. Matul is-snin irnexxielha toħloq aktar għarfien fuq dan il-patrimonju imprezzabbli u ħadmet bla waqfien sabiex tikseb fondi mis-settur privat sabiex tibda l-proċess ta’ konservazzjoni professjonali ta’ dawn il-manuskritti storiċi.

DOI – Omar Camilleri
  1. Michael J Bianchi

Bianchi waqqaf diversi kumpaniji ċellulari barra minn Malta. Fl-1989 kien il-fundatur ta’ wieħed mill-ewwel fornituri fis-settur tas-servizzi finanzjarji taħt il-Malta International Business Authority. Fl-2006 kien introduċa l-ewwel online gaming service providers. Bianchi kien strumentali f’bosta investimenti u Foreign Direct Investment f’Malta u barra minn Malta biex b’hekk inħolqu eluf ta’ postijiet tax-xogħol.

  1. Paul Falzon Sant Manduca

Sant Manduca, fl-eta’ ta’ 38 sena, huwa nħatar Chairman Eżekuttiv ta’ Touche Remnant, kumpanija ta’ investment trust management. Falzon Sant Manduca inħatar ukoll Chairman tal-Investment Trust Association – l-iżgħar Chairperson li qatt ingħata din il-ħatra. Paul Falzon Sant Manduca huwa responsabbli mill-attivitajiet ta’ responsabbiltà soċjali korporattiva tal-Prudential Group li jfisser għotjiet ta’ madwar 25 miljun lill-għaqdiet volontarji madwar id-dinja.

  1. Mons. Joseph Farrugia

Mons. Farrugia ħadem sabiex jippromwovi l-kultura Għawdxija. Huwa l-fundatur tal-kor rinomat Laudate Pueri. Kien ukoll ta sehmu meta ġie varat il-Victoria International Arts Festival. Kien wieħed mill-fundaturi tal-Fondazzjoni Belt Victoria li ħolqot Il-Ħaġar Museum, l-ewwel mużew interattiv f’Għawdex u wkoll bosta iskrizzjonijiet fuq monumenti li jonoraw attivitajiet u personalitajiet importanti f’Għawdex.

DOI – Jason Borg
  1. Albert Marshall

Albert Marshall, li twieled Ħ’Attard fl-1947, huwa magħruf bħala direttur fil-qasam teatrali u televiżiv, drammaturgu, poeta u wkoll preżentatur fuq it-televiżjoni b’karriera distinta mifruxa fuq ħamsin sena. Il-karriera letterarja u teatrali tiegħu bdiet fis-snin sittin. Ix-xogħlijiet letterarji ta’ Marshall ġew ippublikati b’mod estensiv fl-Awstralja, fil-Kanada u f’Malta. Fil-preżent Marshall qiegħed jaħdem fuq il-publikazzjoni ta’ ġabra sħiħa tal-poeżiji tiegħu u wkoll ġabra tax-xogħlijiet tiegħu għat-teatru.

  1. Clayton Micallef

Clayton Micallef kien jagħmel parti mill-Armata Maltija 1st Regiment C special duties company. Fl-2004, għadda minn inċident sfortunat li wasslu għal ħsara kbira fil-korda spinali li ħallietu ipparalizzat minn għonqu ’l isfel. Minħabba li ma jistax iċaqlaq idejh u saqajh, Micallef għandu ħtiġijiet kumplessi ħafna biex jieħu l-kura minħabba n-nuqqas ta’ mobbilta’ tiegħu.

  1. Charles Miceli

Charles Miceli ħadem sabiex tinfetaħ id-Dar Papa Franġisku u mexxa l-kampanji biex tiżdied il-paga minima u tiġi regolata l-kera. Waqt li dejjem sab l-appoġġ tal-familja tiegħu baqa’ jistinka fil-ħidma tiegħu sal-aħħar nifs ta’ ħajtu. Fl-aħħar seba’ snin kien waqqaf u mexxa l-grupp tal-Emotions Anonymous u l-Alleanza Kontra l-Faqar. Il-premju ngħata wara mewtu lil martu Pauline Miceli.

DOI – Omar Camilleri
  1. Roderick Bovingdon

Roderick Bovingdon twieled Ħ’Attard fl-1942. Fl-1959, flimkien ma’ familtu mar jgħix Sydney. Bovingdon kien l-ewwel wieħed li għadda mill-eżami tal-lingwa Maltija f’livell avvanzat minn Oxford permezz ta’ kors b’korrispondenza. Fl-1968 waqqaf l-ewwel skola tal-lingwa Maltija barra minn xtutna.

  1. Arthur Gruppetta

Arthur Gruppetta twieled il-Belt Valletta fl-1944. Huwa beda l-karriera tiegħu bħala għalliem fis-sekondarja u wara ħa f’idejh it-tmexxija tal-Merlin Library u tal-Merlin Publishers. Fl-1971 kien l-ewwel pubblikatur li qatt ħareġ ktieb għat-tfal bil-Malti (Fra Mudest ta’ Charles Casha). Matul karriera ta’ ’il fuq minn erbgħin sena kien strumentali sabiex nieda l-karriera letterarja ta’ awturi li llum huma fost il-kbar tal-letteratura Maltija.

  1. Josephine Mahoney

Josephine Mahoney, twieldet l-Isla fl-1932. Hija kisbet suċċess u tibqa’ magħrufa bħala waħda mill-aqwa attriċi Maltin li, għal iżjed minn sebgħin sena, ħadet sehem f’diversi produzzjonijiet fuq ir-radju, it-televiżjoni u l-palk. Il-karriera tagħha fil-qasam tar-reċtar bdiet fuq ir-Redifussion fl-1947 filwaqt li fl-1949 bdiet tirreċta fuq il-palk mas-Sliema Dramatic Company.

DOI – Omar Camilleri
  1. Ġanni Pace

L-arti ta’ Ġanni Pace tista’ titqies bħala arti folkloristika. Il-ħiliet immaġinattivi tiegħu servew ukoll biex, permezz tal-kreazzjonijiet tiegħu jwassal messaġġi importanti fosthom dwar kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-foqra, l-emarġinati u persuni oħra li għal xi raġuni jew oħra jisfaw imwarrba mis-soċjetà.

  1. Ġorġ Peresso

Peresso kiteb għadd ta’ rumanzi bil-Malti, uħud minnhom rebbieħa tal-Premju tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, poeżiji, drammi u radjudrammi rebbieħa tal-Premju Awtorità tax-Xandir u l-Premju Francis Ebejer, son et lumiere, u studji kritiċi. Bit-Taljan huwa ppubblika żewġ kotba ta’ poeżiji u ġabra ta’ poeżiji bl-Ingliż. Kiteb ukoll il-libretto tal-Opra Swar, mit-triloġija Belt il-Bniedem.

DOI – Omar Camilleri
  1. David Michael Schembri

David Michael Schembri huwa s-Sindku attwali tal-Qrendi, lokalità, li taħt it-tmun tiegħu kisbet it-titlu ta’ “European Destination of Excellence” mill-Unjoni Ewropea. Barra minn dan, Schembri irrappreżenta u mexxa l-Malta XV Rugby Union.

  1. Simon Schembri

Simon Schembri waqqaf The Blue Light Foundation li hija organizzazzjoni volontarja li toffri appoġġ morali u għajnuna psikoloġika u finanzjarja lill-impjegati li jaħdmu fis-setturi ta’ rispons f’każijiet ta’ emerġenza u l-forzi dixxiplanti li jkorru waqt il-qadi ta’ dmirijiethom.

Isalva tarbija; iweġġa’ fuq ix-xogħol; jingħata Ġieħ ir-Repubblika

  1. Frank Lawrence Scicluna

Fl-2011, il-Prim Ministru ta’ Malta ħatar lill-Frank Lawrence Scicluna delegat tal-Kunsill għall-Maltin li Jgħixu Barra. Darba fil-ġimgħa, Scicluna jippublika gazzetta onlajn The Maltese e-Newsletter – The Journal of the Maltese Diaspora.

  1. Louis John Vella

LouisJohn Vella twieled u trabba f’Malta. Huwa studja fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, x-Xjenza u t-Teknoloġija. Fl-1980 huwa mar jgħix Kalifornja, USA. Mal-wasla tiegħu f’Kalifornja, Vella issieħeb mal-komunità Maltija li tgħix hemm u fi ftit żmien sar wieħed mill-iżjed mexxejja attivi ta’ dan il-grupp ta’ nies bil-missjoni tiegħu tkun li jgħaqqad il-komunitajiet Maltin ma’ xulxin u ma’ Malta billi jagħmel dak kollu li jista’ biex Malta tkun eqreb u iżjed aċċessibli għal dawk f’Kalifornja.

  1. Bernd Schiffarth

Matul dawn is-snin, Bernd Schiffarth ħadem bis-sħiħ għat-titjib u għall-konsolidazzjoni tar-relazzjonijiet bejn iċ-ċittadini Maltin u dawk Ġermaniżi. Fl-1996, il-ħidma tiegħu wasslet għall-ewwel “Town Twinning -Ġemellaġġ” uffiċjali bejn il-Mellieħa (Malta) u Adenau (il-Ġermanja). Dan kien il-bidu ta’ skambju permanenti ta’ studenti, mużiċisti, artisti u membri ta’ diversi organizzazzjonijiet bejn Malta u l-Ġermanja.