Min Imissu jitħalla jsir

Il-Qorti ċaħdet it-talba ta’ Gordon u Mariella Manche biex titwaqqaf il-kummiedja “Min Imissu”.
Fit-22 ta’ Novembur, Gordon u Mariella Manche ppreżentaw ir-rikors tagħhom il-Qorti wara li ħassew li l-karattri Jordan u Tariella Whiteman inħolqu biex huma jiġu mwaqqa’ għaċ-ċajt.
Il-Qorti kkonkludiet li dawn iż-żewg karattri jirrapreżentaw lil Gordon u Mariella Manche u li r-rikorrenti qegħdin jitwaqqgħu għaċ-ċajt. Madanakollu, qalet “li kull individwu għandu dritt għad-dinjità u l-unur tiegħu. Min-naħa l-oħra jeżisti d-dritt tal-libertà tal-espressjoni. Hemm ukoll il-ħtiega li wieħed jirrispetta l-creative skill ta’ ħaddieħor u l-kontribut siewi li l-kummiedja tagħmel lis-soċjetà. Li wieħed jidħak hi l-aħjar mediċina.”
Il-Qorti fakkret li r-rimedju li tagħti l-liġi għal malafama, f’każ li
r-rikorrent qiegħed iħossu mmalafamat, hi dik tad-danni.
L-Avukat ta’ Take 2, Robert Montaldo qal li għalih dan il-mandat ta’ inibizzjoni “ma kien xejn hlief  tentattiv ta’ censura indiretta.” Saħaq li huwa każ tipiku ta’ persuni li l-ewwel jesponu ruħhom fil-pubbliku biex imbagħad ma jkunux kapaċi jaċċettaw kwalunkwe kritika li tiġi wara.
Id-diretriċi tal-programm Min Imissu Abigail Mallia stqarret li ladarba persuna tasal tuża l-mezzi tax-xandir biex tippromwovi aġenda tagħha biex twassal xi messaġġ, dik il-persuna trid tkun lesta taċċetta li tiġi fil-mira tas-satira. Mallia qalet li tinsab “kuntenta ħafna li l-Qorti kkonfermat l-importanza tas-satira u l-libertà tal-espressjoni li għandu jibqa’ jkollna f’pajjiżna”.