Min jieħu kura għall-ansjetà ma jistax jagħti demm għalissa

L-ewwel ġimgħat tal-pandemija COVID-19 ħallew diversi effetti fuq il-ħajja tagħna lkoll, fosthom effetti psikoloġiċi li lil ċerti nies affetwahom iktar milli affetwa oħrajn. Dan wassal biex it-tobba kuranti ta’ nies severament affetwati mill-ansjetà poġġewhom fuq trattament t’apposta.

F’dawl li qed isiru appelli kontinwi għad-donazzjonijiet tad-demm tajjeb li wieħed ikun jaf, illi min ikun qed jieħu ċertu trattamenti għall-ansjetà ma jkunx jista’ jagħti demm qabel ma jkunu għaddew erba’ ġimgħat minn meta tkun ittieħdet l-aħħar doża. Għaldaqstant bħala linja ġenerali, Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm jistieden lill-pubbliku biex f’dan ir-rigward ikun aħjar li wieħed iċempel 80074313 jew 79307307 qabel jersaq biex jagħti d-demm.

Intant dawk li huma f’saħħithom u jafu li huma eliġibbli biex jagħtu d-demm għandhom jersqu:

  • fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ KULJUM 7 ijiem fil-ġimgħa (inkluż fil-festi pubbliċi) mit-8:00am sas-6:00pm
  • fil-bini amministrattiv tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li nhar Il-Ħadd 31 ta’ Mejju, ser ikun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:30am sas-1:00pm.  
  • fil-Berġa tax-Xewkija li nhar It-Tlieta 2 ta’ Ġunju ser tkun disponibbli għad-donazzjonijiet tad-demm mit-8:00am sas-1:00pm.

Huwa importanti li wieħed iġib il-Karta tal-Identità, jew il-Liċenzja tas-Sewqan jew Passaport Malti, u possibbilment iħajjar lil ħaddieħor jagħti d-demm ukoll.

Nota importanti!

Minħabba l-imxija tal-COVID-19 qed jittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiġi protett kulmin jersaq biex jagħti d-demm, kif ukoll il-professjonisti tas-Servizz. 

Ritratt: Ħajr lill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa