Min iħaddem qed jopponi d-drittijiet tal-ħaddiema – Graffitti

Il-Moviment Graffitti qal li l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem qed jopponu regolamenti li għandhom l-għan li jassiguraw id-dritt bażiku tal-ħaddiema għal ġranet ta’ mistrieħ u għal informazzjoni dwar il-paga tagħhom.

Fi stqarrija l-Moviment Graffiti qal li jilqa’ b’mod pożittiv l-introduzzjoni ta’ regolamenti rigward il-leave tal-ħaddiema u l-obbligi ta’ min iħaddem sabiex jagħti payslips b’ċertu informazzjoni.

Erba’ organizzazzjonijiet ħabbru li se jieqfu jattendu laqgħat tal-Bord għar-Relazzjonijiet Industrijali (ERB) wara ħarġu erba’ avviżi legali marbuta mar-relazzjonijiet industrijali meta l-kumpaniji kienu fi żmien ta’ btala.

Skont il-Graffiti, “ħafna ħaddiema f’Malta qegħdin isofru minħabba pagi baxxi u kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena. L-assoċjazzonjiet ta’ min iħaddem waqqfu kull sforz sabiex jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiema u saħansitra opponew, b’suċċess, li jkun hemm żieda fil-paga minima miżera ta’ Malta.”

Il-Moviment Graffiti qal li l-fatt li l-assoċjazzjonijiet opponew regoli favur il-ħaddiema juri li “dawn ftit jimpurtahom mill-ħaddiema tagħhom; ħaddiema, li kieku ma kienx għalihom, min iħaddem mhux qed jagħmel ċenteżmu ta’ profitt.”

Il-Moviment appella biex ir-regolament jerġgħu jidħlu fis-seħħ u biex il-Gvern jagħti prijorità lid-drittijiet tal-ħaddiema u mhux lill-grupp ta’ pressjoni.

L-avviżi legali ġew diskussi – GWU

Il-General Workers’ Union (GWU) qalet li l-avviżi legali kienu diskussi matul dawn l-aħħar sentejn f’diversi laqgħat tal-ERB. Saħqet li hija kontra s-sospensjoni tal-istess avviżi legali.

Skont il-GWU, “uħud mill-provedimenti fl-avviżi legali diġà kienu fis-seħħ għal parti l-kbira tal-ħaddiema koperti bi ftehim kollettiv kif diskuss u misksub mill-Unjin. Kien għalhekk loġiku li l-kumplament tal-ħaddiema – għandhom jew m’għandhomx rappreżentanza trejdunjinistika – ikollhom l-istess drittijiet u kundizzjonijiet li jagħmlulhom ħajjithom aħjar fuq il-postijiet tax-xogħol.”

Il-GWU ma tistax tifhem għaliex wieħed jista’ jkun kontra li l-ħaddiema fil-ġurnata tal-paga tagħhom jingħataw irċevuta (payslip) li fuqha b’mod dettaljat ikun hemm stampat il-ħlas li jirċievu. “Din hija miżura sempliċi li eluf oħra ta’ ħaddiema ilhom is-snin jingħataw u li tagħmel lill-kumpanija kontabbli fl-osservanza tal-liġijiet u tal-kuntratt tax-xogħol. Fl-istess waqt x’fiha ħażin li leave li ma jkunx ittieħed jiġi mġedded għas-sena ta’ wara.”

Il-PN favur miżuri li jtejbu l-kundizzjonijiet

Il-Partit Nazzjonalista qal li huwa favur miżuri li jwasslu għal titjib fil-leave u kundizzjonijiet oħra tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol.

Skont il-PN, l-Gvern wera li ma kkonsultax mal-imsieħba soċjali kollha dwar l-Avviż Legali tant li spiċċa biex kellu jirtiraha wara biss ftit ġranet li introduċieha. Il-partit qal li l-Gvern għandu jidħol f’diskussjoni serja mal-imsieħba soċjali kollha.

Żminijietna – Leħen ix-Xellug

 L-organizzazzjoni xellugija Żminijietna qalet li l-Gvern għandu jmexxi ‘l quddiem il-liġijiet il-ġodda marbuta ma’ teħid tal-leave u l-informazzjoni mitluba fil-payslip.

Reazzjoni ta’ MELA

L-Assoċjazzjoni tal-Avukati ta’ Min Iħaddem qalet li hi favur is-sospensjoni tal-avviżi legali. Qalet li dawn daħlu fis-seħħ bil-moħbi lejliet Santa Marija.