Min ifittex id-djalogu ma jiżbalja qatt

Papa Franġisku jitkellem ma' wieħed mir-Rabbin li attendew għal-laqgħa

Il-Papa Franġisku inkoraġixxa lill-Kattoliċi u lil-Lhud biex ikomplu jaħdmu flimkien, partikolarment fi sforz biex jikkumbattu l-Anti-Semitiżmu u l-persekuzzjoni tal-insara madwar id-dinja.

Il-Papa għamel dan l-appell meta laqa’ lill-parteċipanti tal-24 Konvenzjoni tal-“International Catholic Jewish Liaison Committee li qed jiltaqa’ f’Ruma.

Huwa qal li jinsab grat ħafna għal dawk li jaħdmu biex jagħmlu possibbli dawn it-tip ta’ laqgħat bejn il-Lhud u l-Kattoliċi

Djalogu bejn il-Lhud u l-Kattoliċi

Minn meta kienet promulgata id-Dikjarazzjoni dwar ir-Relazzjoni tal-Knisja Kattolika ma’ reliġjonijiet mhux Kristjani li kienet ħarġet mill-Konċilju Vatikan II, sal-lum, id-djalogu bejn il-Lhud u l-Kattoliċi ta ħafna frott. Illum għandna patrimonju spiritwali kbir li għandu jkun aktar stmat u apprezzat.

“Il-laqgħa tagħkom għandha l-iskop biex jinstabu punti ta’ konverġenza u kooperazzjoni akbar. Tajjeb ukoll li qed tiddiskuti l-problema tal-Anti-Semitiżmu u l-persekuzzjoni tal-insara f’diversi partijiet tad-dinja. M’għandniex xi ngħidu li se titkellmu wkoll dwar id-Djalogu bejn il-Lhud u l-Kattoliċi kemm fl-Italja kif ukoll f’Israel”.

“Għalhekk inħeġġiġkom biex tippruvaw tifhmu aħjar lil xulxin u taħdmu flimkien f’ambejnt ta’ ħbiberija. Is-saħħa tagħna tiġi mil-laqgħa. Min ifittex id-djalogu ma jiżbalja qatt. L-Iskrittura tgħidilna li ‘il-qerq qiegħed f’moħħ dawk li jippjanaw il-ħażen, imma dawk li jaħdmu għall-paċi għandhom il-ferħ’.

“Jien nitlob li din il-laqgħa tagħkom tkun laqgħa ta’ paċi għall-paċi. Il-Barka t’Alla tkun fuqkom u tagħtikom il-ġentilezza u l-kuraġġ. Shalom!”, temm jgħidilhom Papa Franġisku.