Min iddisinja l-kartolina ta’ Joseph u Michelle Muscat?

F’ċerimonja qasira fil-Ministeru għal Għawdex, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana u s-Sinjura Michelle Muscat ippreżentaw ċertifikati ta’ parteċipazzjoni lil mitejn student mill-Kulleġġ ta’ Għawdex. 
Minn din il-kompetizzjoni li saret fix-xahar ta’ Novembru, ġew magħżula sitt disinni li ntużaw bħala l-kartolina uffiċjali tal-Milied tal-Prim Ministru li tintbagħat ukoll lil mexxejja ta’ pajjiżi barranin.
Din hi r-raba’ sena li l-kartolina uffiċjali tal-Milied tal-Prim Ministru qed issir f’forma ta’ kompetizzjoni bejn it-tfal jew persuni oħrajn minn strati differenti tas-soċjetà.
Waqt iż-żjara, Michelle Muscat qalet li għal darba oħra ġie deċiż li tingħata l-opportunità biex din is-sena l-kartolina uffiċjali tiġi ppreparata mit-tfal li jattendu l-iskejjel primarji u l-għażla waqgħet fuq l-istudenti primarji Għawdxin. Semmiet ukoll li fi snin preċedenti d-disinn tal-kartolina ġie ddisinjat minn tfal bl-awtiżmu u l-kompetizzjoni kienet darba miftuħa wkoll għal nies li għaddew mir- riabilitazzjoni mid-droga. 
Ritratti: DOI – Terry Camilleri