Min huma t-tradituri?

Erġajna bdejna bid-diska mġenġla tat-tgħajjir ‘intom tradituri’. Kieku din mhix diska perikoluża kont inħalliha għaddejja għax saret monotona. Kieku din id-diska ma turix attitudni Faxxista ma kontx nagħti kasha. Kieku din id-diska ma turix marda agħar mill-coronavirus kont ninjoraha.

F’dawn il-ġranet erġajna bit-tgħajjir u bit-theddid lill-MEP Nazzjonalista Roberta Metsola. Is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar ħaqqha tifħir li ħarġet tiddefendi lil Metsola minkejja li magħha ma taqbel – qalet hi stess – kważi f’xejn. Hekk titlob il-maturità li fuqha tinbena soċjetà tassew demokratika.

Metsola mhix l-unika waħda li qed tingħata l-badge ta’ traditura.

Jekk titkellem fil-Parlament Ewropew u tikkritika xi ħaġa li ġrat Malta jgħidulek traditur u jixtiqulek kull deni. Jekk tesprimi lilek innifsek mal-midja barranija b’mod li tikkritika lill-Gvern hawn min jgħidlek traditur. Jekk tmur tipprotesta jgħidulek traditur. Jekk tkun trid li l-proċess ġudizzjarju jimxi sew ikun hawn ukoll min jgħidlek traditur. U jekk int membru ta’ għaqda mhux komda jgħajruk traditur ukoll.

Traditur għax issalva l-ħajjiet?

Id-diska ta’ tradituri tindaqq ukoll kull meta xi ħadd ifakkar li r-refuġjati huma bnedmin tad-demm u l-laħam bħalna. Għajru traditur lil min qal li hija oxxenità li nħallu n-nies jegħrqu.

Għajru traditur lil min qal li hija viljakkerija li nibagħtu n-nies lura l-Libja biex jiġu torturati.

Għajru traditur lil min qal li mhux sew li immigranti li ħadu l-coronavirus mill-komunità (uħud nafu bihom u wħud ma ġewx swabbjati u allura mhux identifikati) issa jissakkru ma’ immigranti oħrajn li ma għandhomx il-virus.

Għajru traditur lil min qal li lest jagħti kenn f’daru lil dik il-mara li talbet bil-ħniena biex tal-inqas isalvaw lit-tarbija tagħha.

Anke fit-Tmeninijiet għajruna tradituri

Jien għext it-Tmeninijiet. Dak iż-żmien kienu jgħajruna tradituri għax konna nitkellmu mal-midja barranija dwar it-tortura li l-pulizija kienu jagħmlu fid-Depot. Mhux tortura biss għamlu iżda anke qatlu raġel.

Kienu jgħajruna tradituri għax nikxfu l-korruzzjoni.

Kienu jgħidulna tradituri għax ma ridniex li l-Gvern jagħlaq l-iskejjel tal-Knisja jew għax ried jaħtaf il-proprjetà tal-Knisja.

Għajruna tradituri għax waqafna lill-bulijiet li flimkien mal-pulizija kienu jattakkaw lid-demostranti.

Aħna kellna raġun

Għaddew is-snin u bdew jgħidulna li fit-Tmeninijiet saru ħafna affarijiet ħżiena mhux minna li konna nipprotestaw iżda mill-pampaluni tar-reġim li konna nipprotestaw kontrihom.

Mhux aħna konna tradituri allura. It-tradituri kienu l-korrotti, il-vjolenti, l-intolleranti, dawk li ppruvaw ixerrdu t-terrur, eċċ eċċ

Fl-aħħar tas-sena l-oħra kien hemm ħafna li ndunaw li t-tradituri ma kinux dawk li tkellmu kontra l-abbużi iżda kienu dawk li għamlu l-abbużi.

Lil dawk kollha, kemm jekk persuni pubbliċi kif ukoll privati, li jkunu mgħajra u mhedda mill-marmalja tal-Facebook u minn min missu jaf aħjar, ngħidilhom: taqtghux qalbkom. Meta ċerti nies jgħajruk traditur ikunu qed jagħmlulek unur. Ftaħru meta jgħajrukom hekk.

Ftakru li dawk ta’ moħħ żgħir jibqgħu dejjem magħna.