Min huma t-8 terroristi magħrufa s’issa?

Ħafna qed jistaqsu min huma t-terroristiċi identifikati s’issa, li hu suspettat, jew ikkonfermat, li wettqu l-attakki f’Pariġi nhar il-Ġimgħa.
Tnejn mit-tliet attakkanti li nqatlu jew mietu qrib il-grawnd ta’ Pariġi huma Bilal Hadfi, ta’ 20 sena, u Ahmad al-Mohammad, ta’ 25 sena, mis-Sirja.
Ftit għadu ħareġ dwar l-iżgħar terrorist tal-Ġimgħa, ħlief li Hadfi sploda lilu nnifsu qrib il-grawnd tal-futbol waqt li kien liebes xi forma ta’ ġakketta bi splussivi. Hawnhekk ma miet ħadd ħlief Hadfi. Jirriżulta li ż-żagħżugħ kien għamel xi żmien jiġġieled mal-Istat Iżlamiku fis-Sirja qabel irritorna l-Ewropa u kien qed jgħix il-Belġju. In-nazzjonalità tiegħu għadha ma ġietx ikkonfermata. Skont xi rapporti, Hadfi kien parti minn grupp magħruf bħala “Belgium Cell” u rnexxielu jidħol lura fl-Ewropa taparsi refuġjat.
Ahmad al-Mohammad ukoll daħal fl-Ewropa bħala refuġjat. Il-konferma waslet dalgħodu wara li ttieħdu l-marki tas-swaba’ minn idejh u tqabblu ma’ dawk irreġistrati fil-Greċja fil-bidu t’Ottubru. Il-passaport tiegħu nstab ħdejn il-katavru tiegħu barra l-grawnd tal-futbol. Isem ir-raġel kien ġie rreġistrat bħala refuġjat, fis-7 t’Ottubru fil-gżira Griega ta’ Leros, wara li kien wasal hemm erbat ijiem qabel. Fl-istess jum, qasam lejn il-Maċedonja u daħal fis-Serbja.
Ibrahim Abdeslam, ta’ 31 sena, hu wieħed mit-tliet terroristi qrib it-teatru Bataclan li ssemmew b’isimhom. Hu mifhum li r-raġel ukoll kellu ċinturin ta’ splussiv u splodih b’mod suwiċida barra bar ħdejn it-teatru. Il-Prosekuzzjoni identifikatu bħala l-persuna li kera karozza Seat, li ntużat fl-attakki. Hu ħu Salah u Mohammed, li t-tnejn issemmew b’rabta mal-attakki. Skont xi rapporti, jidher li l-aħwa twieldu u trabbew il-Belġju għalkemm xi ġurnali qed iqisuhom ċittadini Franċiżi.
Salah Abdeslam, ta’ 26 sena, qed jiġi mfittex mill-Pulizija madwar l-Ewropa. Kien miżmum mill-Pulizija Franċiża, qrib il-fruntiera mal-Belġju, ftit biss wara l-attakk imma reġa’ nħeles għax ismu, sa dak il-ħin, ma kien fuq l-ebda lista ta’ persuni mfittxija. Hu meqjus il-persuna li kera karozza Volkswagen Polo, li ntużat fl-attakki fit-teatru Bataclan. Il-Pulizija ddeskrivietu bħala bniedem perikoluż u wissew lil min jarah, biex ma jersqux lejh.
L-inqas li hu magħruf mit-tliet aħwa hu Mohammed, li ġie arrestat is-Sibt fid-distrett Molenbeek ta’ Brussell, b’suspett li kellu x’jaqsam mal-attakki. L-avukati tiegħu qed jagħmlu minn kollox biex jippruvaw jeħilsuh hekk kif baqa’ jisħaq li hu innoċenti. Sa tard it-Tnejn, Mohammed Abdeslam inħeles mill-Pulizija li ma kellha ebda provi li hu kien involut fl-attakki. 
Omar Ismail Mostefai, ta’ 29 sena, hu l-ewwel terrorista li ssemma mill-Pulizija Franċiża. Hu ta’ oriġini Alġerina imma twieled u trabba’ f’Pariġi. Hu wkoll kellu ċinturin ta’ splussiv, li splodih, malli l-Pulizija daħlu fit-teatru Bataclan wara l-massakru. Ġie identifikat minn fdalijiet minn subgħa li nstab fis-sala. Skont uffiċjal għoli Tork, is-sena li għaddiet l-awtoritajiet Torok kienu kitbu lil dawk Franċiżi dwaru imma qatt ma rċevew tweġiba. Mostefai kien daħal it-Turkija fl-2013 imma ma jeżistux dokumenti li juru li kien ħareġ mill-pajjiż.
Fost l-ewwel suspettati, issemma wkoll Samy Amimpour, ta’ 28 sena, ukoll imwieled qrib Pariġi u li, bħal Mostefai, attakka t-teatru Bataclan imbagħad sploda lilu nnifsu. Anke dan kien ġie akkużat f’investigazzjoni dwar terroriżmu fl-2012 wara li pprova jidħol, bla suċċess, fil-Jemen, u kien tqiegħed taħt superviżjoni ġudizzjarja imma għal xi raġuni għeb. Kien hemm ukoll warrant internazzjonali għall-arrest tiegħu. Skont il-familja tiegħu, kien mar is-Sirja sentejn ilu.
L-aħħar isem li żdied mal-lista hu dak ta’ Abdelhamid Abaaoud, Belġjan t’oriġini Marokkina ta’ 27 sena, ukoll mid-distrett Molenbeek, u li skont il-Franċiżi, kien il-moħħ wara l-attakki tal-Ġimgħa. Għadu s’issa maħrub u hu meqjus perikoluż ħafna. Il-Pulizija taħseb li ż-żagħżugħ mhux biss ippjana l-attakki imma wkoll iffinanzjahom. Kien magħruf mal-Pulizija tant li jeżistu files li jorbtuh ma’ Ibrahim Abdeslam. Hu meqjus ukoll li kellu x’jaqsam mal-attentat imfixkel fuq ferrovija minn Amsterdam għal Pariġi f’Awwissu li għadda, u ma’ student ieħor Franċiż akkużat bi qtil u reati ta’ terrur. Ingħaqad mal-estremisti fl-2013 u f’filmat, jidher isuq vann b’biċċiet ta’ katavri lejn qabar tal-massa. Hu meqjus wieħed mill-qattiela l-iktar attivi tal-ISIS fis-Sirja.