Min huma n-nies tal-Imnarja?

Ray Abdilla u Mario Micallef f'L-Imnarja Żmien il-Qtil

Illejla fid-8.45pm fuq TVM se tixxandar it-tielet u l-aħħar parti tal-produzzjoni L-Imnarja Żmien il-Qtil ta’ Francis Ebejer. Din kienet inħadmet fl-1985.

It-tielet att, marbut sewwa mat-tnejn ta’ qablu, inissel il-mistoqsija: Min huma n-nies tal-Imnarja? Jew aħjar, kemm huma fil-fatt dawk li jidhru li huma, skont kif timponi fuqhom is-soċjetà?

Skond Roża “fuqhom ukoll taqa’ l-għeja. L-għeja tal-misteri ta’ ġewwa fihom.” M’humiex aktar fil-bnedmin li jiddevertu bla ħsieb, iżda l-ħlejjaq li jaħlu l-qawwiet tagħhom bi skop.

L-enerġija li tat il-ħajja liż-żewġ atti ta’ qabel tinħela kollha hawn, fejn isseħħ it-tidwira tad-dramma kollu. Hawn joħroġ il-paralleliżmu bejn in-nies reali tal-Imnarja u l-karattri tad-dramm, li joffri l-Imnarja ta’ Ebejer, il-mikrokożmu ta’ sitwazzjoni kontinwa. Festa ta’ jum wieħed titbissel f’paradigma ta’ ħajja sħiħa.

B’direzzjoni ta’ Carmel S. Aquilina u produzzjoni ta’ Talenti, il-cast jinkludi lil Mario Micallef, Stephanie Farrugia, Michael Sciortino, Ray Abdilla, Rachel Portelli, Fabian Scerri De Carlo u Shirley Blake.