Min huma l-plejers tal-basketball tax-xahar?

Chad Patus ta’ Hibernians huwa l-BOV Basketball Plejer tax-Xahar tal-1 Diviżjoni għal Frar 2018. L-attakkant Kanadiż rebaħ is-sitt unur individwali tiegħu għall-wirjiet tiegħu matul ix-xahar ta’ Frar 2018. Chad kellu total ta’ 89 punt f’4 partiti (medja ta’ 22.25 punti f’kull partita) matul Frar li jinkludu 23 punt fil-finali tat-Tazza Louis Borg u 22 punt ieħor fis-semi-finali tal-Kompetizzjoni BOV KO.
B’medja ta’ 68 % mil-linja ta’ tliet punti, huwa kien l-aqwa skorer tat-tliet punti matul ix-xahar. Chad kellu wkoll medja ta’ 12.47 rebounds, 3.12 assists u sofra 4 fouls f’kull partita.
Samantha Brincat rebħet it-tielet unur individwali tagħha fil-Kampjonat tan-Nisa. Il-Maltija-Awstraljana kellha medja ta’ 16.80 punti f’kull partita (84 punt f’5 partiti) b’85 % mil-linja tal-free-throw, 52 % mill-kamp u 38 % mil-linja ta’ tliet punti, bi 12-il three pointer, l-ogħla numru fil-kampjonat tan-nisa matul dan il-perjodu, filwaqt li saru fuqha 5 fouls f’kull partita (25 f’5 partiti). 
Albert Serra (Gżira Athleta) rebaħ l-unur tal-Kampjonat BOV tad-Dilettanti tal-Irġiel. L-Ispanjol li huwa twil 6’4” malajr ħalla impressjoni tajba fl-ewwel staġun tiegħu f’Malta meta kiseb xejn inqas minn 90 punt f’4 partiti matul ix-xahar ta’ Frar. Bil-livell impressjonanti ta’ 83 % mill-kamp (33 minn 40), 54 % mil-linja tal-free-throw u 56 % (9 minn 16) mid-distanza, huwa kien l-għażla awtomatika għal dan l-unur.
Peter Perotti, Uffiċjal Kap tal-Bank of Valletta ppreżenta lir-rebbieħa bi plakka kommemorattiva. Il-Bank of Valletta huwa kburi li huwa sostenitur ewlieni tal-inizjattivi sportivi f’Malta biex b’hekk jippromwovi l-eċċellenza sportiva f’ambjent kompetittiv san.