Min huma l-kardinali l-ġodda?

kardinali_godda

Fil-festa ta’ San Pietru u San Pawl, fid-29 ta’ Ġunju, il-Papa Franġisku se jagħti l-berettin aħmar lil 14-il kardinal ġdid li 11 minnhom ikunu jistgħu jivvutaw f’elezzjoni għas-suċċessur tiegħu u b’hekk se jkun qed jaqbeż il-limitu ta’ kardinali eletturi li kien impona l-Papa Pawlu VI fl-1975.
Sal-lum hemm 114-il kardinal taħt it-80 sena bid-dritt tal-vot f’konċistorju. Għalhekk in-numru ta’ 14-il kardinal ġdid kien xi ftit sorpriża għax kien jonqos biss 6 kardinali eletturi biex jintlaħaq in-numru stabbilit u fil-fatt minn dawk nominati, hemm 11 li huma taħt it-80 sena.
Fost il-kardinali li se jinħatru ġodda hemm numru li kienu qed jissemmew iżda hemm ukoll xi ftit sorpirżi.
L-Arċisqof Ladaria, Prefett tal-Kongregazzjoni għad-Dutrina tal-Fidi u l-Arċisqof Angelo De Donatis, il-Vigarju tal-Papa għad-djoċesi ta’ Ruma, huma żewġ karigi li normalment ikunu okkupati minn Kardinali u issa hekk se jsir. L-Arċisqof Angelo Becciu li ilu jissostiwixxi s-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan mill-2011 kien qed jissemma wkoll.
Billi l-Papa spiss jagħmel riferenza għall-insara persegwitati kien mistenni li jaħtar kardinali lil xi Isqfijiet minn dawn il-pajjiżi.  Fost dawn hemm il-Patrijarka Louis Raphael I Sako ta’ Babilonja u miegħu l-Arċisqof Joseph Coutts ta’ Karachi.
Imma mbagħad hemm numru ieħor li ma kinux imsemmija. Fost dawn insibu l-Arċisqof Pedro Barreto, Ġiżwita mid-djoċesi ta’ Huancayo fil-Perù; l-Arċisqof Konrad Krajewski li jaħdem fost il-foqra f’Ruma; l-Isqof Antonio dos Santos Morto, ta’ Fatima fil-Portugall.
Mill-Madagascar inħatar l-Arċisqof tad-djoċesi ta’ Toamasina, l-Arċisqof ta’ Osaka fil-Ġappun; l-Isqof tad-djoċesi ta’ L’Aquila fl-Italja.
Fil-lista hemm anqas kardinali Ewropej u Taljani milli jkun hemm is-soltu. Fil-fatt hemm biss sitt kardinali ġodda mill-Ewropa. Il-kardinali Taljani issa se jkun biss 20% tal-konċistorju fejn qabel kienu jkunu ferm aktar.
Issa l-proporzjon ta’ kardinali eletturi maħtura mill-Papa Franġisku hu ta’ 47.2% komparat mat-37.6% nominati mill-papa Benedittu XVI u 15.2% maħtura minn Ġwanni Pawlu II.