Min huma l-esperti tal-President?

Read in English.

Il-President tar-Repubblika George Vella mistenni li jieħu deċiżjoni dwar il-kriżi fl-Oppożizzjoni Nazzjonalista hekk kif din il-ġimgħa l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-PN Adrian Delia ġie sfiduċjat fil-Grupp Parlamentari fejn 19 ivvutaw kontrih u 11 ivvutaw favurih.

Għal dawn l-aħħar sigħat Newsbook.com.mt prova jagħmel kuntatt mal-President iżda l-kelliema tiegħu ma weġbitx għat-telefonati li sarulha u lanqas għall-mistoqsijiet li ntbagħtu bil-miktub.

Sitwazzjoni inċerta

Jidher li s-sitwazzjoni hija waħda inċerta minħabba d-dewmien fit-teħid tad-deċiżjoni li skont tliet avukati għandha tkun waħda ċara, dik li Adrian Delia jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni. Fl-aħħar jiem, tliet esperti Kostituzzjonali qalu li l-unika għażla li tagħmel sens legali skont il-Kostituzzjoni hija dik li l-President ineħħi u jappunta Kap tal-Oppożizzjoni ieħor minħabba li Delia m’għandux igawdi l-fiduċja tal-akbar grupp fl-Oppożizzjoni. Dawn l-avukati huma l-eks Imħallef fil-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem Giovanni Bonello, il-Professur Kevin Aquilina, u l-Avukat Austin Bencini.

Mhux l-istess ingħad mill-President li fil-laqgħat mad-deputati tal-PN issemmew għażliet oħrajn. Waħda mill-għażliet l-oħra mogħtija lill-President Vella minn esperti anonimi, il-Kostituzzjoni tagħtih il-funzjoni li jneħħi l-Kap tal-Oppożizzjoni u fl-istess waqt ma jagħmel lil ħadd, bis-soluzzjoni ta’ din tkun li ssir fuq livell ta’ partit. Parir ieħor jidher li kien li l-President ineħħi lil Delia u imbagħad jerġa jagħtih l-inkargu.

X’ġara sa issa?

Il-Ħamis il-President beda jibgħat għall-Membri tal-Oppożizzjoni, fosthom Adrian Delia, biex jistħarreġ dwar min hu l-aktar persuna li għandu fiduċja biex imexxi l-akbar grupp tal-Oppożizzjoni skont kif mitlub mill-Kostituzzjoni. Dawn il-laqgħat komplew il-Ġimgħa fil-Palazz ta’ Sant’Anton fejn dehru deħlin għadd ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista, inkluż Therese Comodini Cachia. Comodini Cachia ġiet innominata mill-grupp ta’ deputati Nazzjonalisti li vvutaw kontra Adrian Delia f’vot ta’ sfiduċja fil-Grupp Parlamentari tal-PN.

X’inhu l-pass li jmiss?

Sorsi qalulna li l-President għandu l-obbligu li juri kuraġġ fiċ-ċirkostanzi li jinsab fihom il-pajjiż. Il-gwida għall-President hi l-Kostituzzjoni bil-partijiet li jikkonċernaw il-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni jinsabu f’artiklu 90.

Il-President sa issa kkonferma ma’ sorsi li Delia m’għandux igawdi maġġoranza. Minn dan iqumu tliet mistoqsijiet dwar it-teħid tad-deċiżjoni.

  • Għalfejn ma bagħatx għal Delia u qallu jitlaq?
  • Għalfejn ma bagħatx għal Therese Comodini Cachia li ġiet innominata minfloku?
  • Min huma l-esperti tal-President li min kif tkellem mal-MPs qed jagħtuh parir differenti?