“Min hu responsabbli tal-ħerba mis-siġar?” – PD

Il-Partit Demokratiku sostna li wasal iż-żmien li jiġi identifikat min hu responsabbli “tal-ħerba tal-qlugħ tas-siġar”, kif ukoll il-bidla li minflok ħitan tas-sejjieħ qed jibnew ħitan bil-planki tal-konkrit.

Fi stqarrija, il-PD semma kif ħafna siġar qed jinqerdu fil-proġett tal-flyover tal-Marsa. Irrimarka kif bosta minnhom qed jiġu ssegati b’tali mod li l-biċċa li jifdal mis-siġra tinħeba taħt il-ħamrija.

Ġibed l-attenzjoni li minkejja li jitwessgħu u jinfetħu toroq ġodda, mhux se jissolvew il-problemi tal-konġestjoni tat-traffiku.

Il-Partit Demokratiku sostna li bħala t-tielet vuċi fil-Parlament qed jinsisti li l-pjanijiet tekniċi tat-toroq il-ġodda għandhom jiġu sottomessi fil-Parlament minnufih, għall-iskrutinju tal-pubbliku, flimkien mal-Cost Benefit Analysis.

Irrimarka li hemm bżonn li ċ-ċittadini u l-NGOs jiġu infurmati u stmati fl-istadju tat-tfassil tad-disinn tal-pjanti, anke qabel jaslu għand l-Awtorità tal-Ippjanar.

Il-PD talab lill-Ministru għll-Infrastruttura Ian Borg sabiex jirrealizza li l-proċeduri fejn tidħol art privata mhux qed jiġu segwiti kif suppost.