‘Min hu responsabbli għandu jagħmel pass minn jeddu; inkella jieħu azzjoni Abela’

Miguela Xuereb

Read in English.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo qal li jaqbel mal-Prim Ministru Robert Abela li min kien politikament responsabbli dwar l-allegazzjonijiet li ħarġu lbieraħ għandu jagħmel pass minn jeddu. Żied jgħid li nkella jkollu jieħu azzjoni Abela bħala PM.

Bartolo qal dan fuq Facebook fejn qal li Malta tinsab f’eklissi politiku. Qal li d-dawl li beda ħiereġ taħt il-Gvern ta’ Robert Abela għadu qed jitgħatta minn “ċerti intriċċi koroh ta’ politika u negozju li ġraw bejn l-2013 u l-2019.”

“Naqbel kompletament mal-Prim Ministru Robert Abela li lbierah għamilha cara kemm huwa ddiżgustat bl-allegazzjonijiet li l-kumpanija 17 Black għamlet qligħ eżaġerat mix-xiri ta’ windfarm mill-Enemalta fil-Montenegro,” qal Bartolo.

Saħaq li l-każ għandu jiġi investigat u li l-pulizija m’għandha tħares lejn wiċċ ħadd.

Bartolo qal ukoll li fix-xhur li ġejjin il-Financial Action Task Force (FATF) se tiddeċiedi jekk Malta tidħolx fil-lista l-griża ta’ pajjiżi sorveljati dwar il-passi li jridu jieħdu kontra l-korruzzjoni, il-ħasil tal-flus u delitti ekonomiċi oħra. Qal li ssir ħsara kbira lil Malta jekk jiġri hekk.

Il-jum it-tajjeb.Ninsabu f’eklissi politiku.Fejn id-dawl li beda’ hiereg fl-iggvernar ta’ pajjizna mindu sar Prim…

Posted by Evarist Bartolo on Friday, June 19, 2020

Il-Fondazzjoni Daphne Caruana Galizia qalet li l-aħbar li Yorgen Fenech daħħal il-miljuni minn negozju tal-Enemalta fi proġett f’Montenegro mill-kumpanija sigrieta tiegħu 17 Black tenfasizza l-bżonn ta’ Joint Investigation Team (JIT) mill-Europol.