“Min hu minsus mill-ġrajjiet tal-waħx għandu jwarrab malajr”

Colerio Preca dwar il-paljazza tar-razza

Read in English.

Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca ħeġġet lil min hu minsus minn dawk li sejħet “ġrajjiet tal-waħx” biex “iwarrbu minnufih, biex nerġgħu nsibu s-serenità bħala poplu, u fuq kollox biex jibda x-xogħol li hemm bżonn isir, biex nerġgħu niksbu r-reputazzjoni tajba li kellu l-pajjiż”.

Coleiro Preca kienet qed tirreaġixxi għal dak li seħħ f’Malta fl-aħħar ġimgħat u li wassal għar-riżenja taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, ta’ Ministru u saħansitra tal-Prim Ministru. Dan fid-dawl tal-aħħar żviluppi fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

“Huma biss il-ftit li huma l-paljazza tar-razza”

“Ma nistgħux inħallu din is-sitwazzjoni perikoluża tkaxkar aktar, lanqas għal ġurnata waħda oħra biss. Dan huwa żmien fejn il-politiċi jridu jħallu l-interess personali fil-ġenb, u nibdew proċess ta’ fejqan immedjatament, taħt it-tmexxija ta’ persuna li għandha l-kredenzjali li toħroġ lil pajjiżna minn din il-kriżi” kompliet tisħaq Coleiro Preca.  Insistiet li jeżistu politiċi onesti u integri, u li “huma biss il-ftit li huma l-paljazza tar-razza”.

F’post fuq Facebook il-Ħadd kmieni waranofsinhar, Coleiro Preca qalet li b’dak kollu li qed jiġri f’Malta u li xxokkja lil kulħadd, “insterqitilna din l-identità”. “Mill-istorja tagħna bħala poplu, dejjem waqafna għall-valuri tal-onestà, tal-ġenwinità, tal-altruwiżmu, tal-bżulija, tal-għaqal, tal-integrità – din kienet minn dejjem l-identità Maltija. Kapaċi nerġgħu niksbuha, billi f’dan il-mument kritiku, naġixxu fl-aħjar interess tal-pajjiż” żiedet tgħid.

Coleiro Preca appellat għall-għaqda “biex nerġgħu nibnu mill-ġdid pajjiż li jerġa’ jirrifletti min aħna”. Temmet tgħid li “fil-mument prekarju li qed ngħixu fih, irridu nduru fuq l-għerf li jista’ jagħtihulna l-ħsieb kritiku biex nagħżlu l-aħjar b’risq Malta, u l-preżent u l-futur ta’ wliedna’.