Min hu l-Papa Franġisku?

Imwieled f’Buenos Aires fis-17 ta’ Diċembru 1936, Jorge Mario Bergoglio huwa wieħed minn ħames ulied. Il-ġenituri tiegħu emigrew lejn l-Arġentina mill-Italja. Missieru, li kien ta’ nazzjonalità Taljana, kien ħaddiem fuq il-ferroviji u ommu kienet mara tad-dar.

Qabel daħal is-seminarju, Jorge Mario Bergoglio studja l-kimika u ggradwa bħala inġinier tal-kimika. Bergoglio huwa patri Ġiżwita. Għallem il-letteratura u l-psikoloġija fi Buenos Aires. Ġie ordnat saċerdot fit-13 ta’ Diċembru, 1969, fl-età ta’ 33 sena.

Fl-1992, il-Papa Ġwanni Pawlu II ħatru Isqof titulari ta’ Auca. Fl-1997, inħatar Arċisqof ta’ Buenos Aires u sar Kardinal fl-2001. Huwa membru tal-Kunsill Pontifiċju għall-familja u tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerikan Latina. Hu wkoll l-awtur ta’ numru ta’ kotba.

Għalkemm ma kienx qed jissemma bħala wieħed mill-kardinali ‘papabli’ fil-bidu tal-konklavi, lura fl-2005 kien wieħed mil-kandidati ewlenin biex jilħaq Papa. Tmien snin wara, Franċescu huwa l-ewwel Papa mill-Amerika Latina.

Fatti u kurżitajiet dwar il-Papa Franġisku:
· Iħobb juża l-karrozza tal-linja biex jivvjaġġa
· Għex għal aktar minn 50 sena b’pulmun wieħed
· Huwa l-ewwel Papa fl-era moderna minn barra l-Ewropa
· Jitkellem bit-Taljan, l-Ispanjol u l-Ġermaniż
· Sal-lum kien jgħix f’appartament żgħir, flok fir-residenza tal-Isqof
· Talab lin-nies tal-Arġentina biex ma jmorrux Ruma biex jiċċelebraw jekk jinħatar, biex minflok jagħtu l-flus lill-fqar.
· Fl-2001 ħasel u bies riġlejn il-morda bl-Aids
· Jgħid li l-addozzjoni ta’ tfal minn koppji tal-istess sess hi forma ta’ diskriminazzjoni kontra t-tfal għalkemm jemmen li l-kontraċettivi “jistgħu jiġu permessi” biex jiġi evitat it-tifrix ta’ infezzjonijiet.
· Għalkemm meqjus bħala konservattiv dwar it-tagħlim tal-Knisja, huwa kkritika lil dawk is-saċerdoti li rrifjutaw li jgħammdu tfal ta’ single-mothers.
· Fl-2005, jingħad li kien minn ta’ quddiem matul il-konklavi, biex jinħatar Papa.