Read in English.
Il-maġġoranza tan-nies jippreferu lil Robert Abela bħala Prim Ministru milli minn Adrian Delia.
Dan ħareġ minn stħarriġ imwettaq mill-kumpanija MISCO għall-Aġenzija CD eNews, li sar bejn l-1 u t-2 ta’ Lulju. L-istħarriġ sar b’kampjun ta’ 400 persuna.
Id-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista żdied b’4% mill-elezzjoni tal-2017 ‘l hawn, b’vantaġġ għall-Partit Laburista. Dan ifisser li l-PL issa għandu vantaġġ ta’ 15% fuq il-Partit Nazzjonalista.
Li kieku ssir elezzjoni għada…
L-istħarriġ juri li l-Prim Ministru Robert Abela għandu vantaġġ ta’ 45% fuq Adrian Delia bħala l-persuna li l-votanti Maltin jaħsbu li għandha tkun Prim Ministru, b’56%. Lil Adrian Delia 11% tal-votanti jqisuh addattat għal Prim Ministru. 33% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ m’għandhomx preferenza. Dawk li ppreferew lil Abela kienu fil-maġġorparti rġiel u ta’ 44 sena jew inqas.
Mistoqsijin lil min jivvutaw li kieku kellha ssir elezzjoni għada, 56.5% tal-parteċipanti qalu li jivvutaw lill-Partit Laburista, filwaqt li 41.5% jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista. Il-partiti ż-żgħar għandhom 2% tal-voti bejniethom.
20% tan-nies li pparteċipaw qalu li mhux beħsiebhom jivvutaw.
Ir-riżultati tal-istħarriġ juru li 2% iċċaqalqu mill-PL għall-PN. 11% minn dawk li vvutaw lill-PN fl-2017 jiddispjaċihom, filwaqt li 8% li vvutaw lill-PL jiddispjaċihom li vvutaw b’dan il-mod.
Imħassbin l-aktar fuq il-pandemija, l-anqas fuq l-ekonomija
L-istħarriġ juri wkoll li l-pandemija tal-coronavirus għadha l-iżjed kwistjoni fuq moħħ il-Maltin (36%). Warajha hemm il-korruzzjoni (15%), l-immigrazzjoni (12%) u l-ekonomija (8%).
Minkejja li l-pandemija għadha kwistjoni kbira fost il-parteċipanti kollha, tħasseb aktar lin-nisa u lil dawk li għandhom 44 sena jew inqas.
Għall-persuni li għandhom 45 sena u iktar, il-korruzzjoni u l-immigrazzjoni huma aktar ta’ tħassib. Dawk ta’ bejn il-35 u l-54 sena jaħsbu aktar fuq l-ekonomija.
Dwar liema kwistjoni personali qed taffettawhom l-iktar, il-parteċipanti wieġbu hekk:
- Ir-restrizzjonijiet minħabba l-pandemija – 11%
- Il-qgħad – 8%
- Problemi finanzjarji – 7%
- Kwistjonijiet ekonomiċi ġenerali – 23%
Mistoqsijin liema partit jista’ jsolvi dawn il-kwistjonijiet, il-Partit Laburista għadda lill-Partit Nazzjonalista b’14%.