“Min hu fil-bżonn ta’ dar ilu minsi 7 snin minn Gvern Laburista” – PN

Miguela Xuereb

Il-Partit Nazzjonalista appella biex il-poplu Malti ma jħallix lil min ikompli jitfa’ l-bżar fl-għajnejh, lil min nesa’ għal seba’ snin lil min hu fil-bżonn ta’ dar u bżonnijiet oħra bażiċi.

Fi stqarrija l-PN qal li l-Ministru Roderick Galdes jrid jagħti l-impressjoni li l-problema tal-akkomodazzjoni soċjali f’Malta  qed isolviha hu bis-soltu kantaliena li Gvern Nazzjonalista m’għamel xejn f’għexieren tas-snin.

Fl-istqarrija ffirmata mill-Viċi Kap tal-PN David Agius u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali Ivan Bartolo, intqal li Gvern Nazzjonalista bena eluf ta’ postijiet għall-familji Maltin tul is-snin u li din kulħadd jafha.

Il-PN qal li l-Gvern Laburista qed jilqa’ proposti mill-Partit Laburista li qed ifassal il-manifest elettorali. Sostna li l-Ministru Galdes ma weriex l-interess li jiltaqa’ mal-PN, allavolja dan offra u ta proposti.

Fl-istqarrija l-PN qal li jfakkar lil Ministru Galdes li llum sfortunatament spiċċajna b’nies imutu barra fit-triq għax m’għandhomx fejn joqogħdu, filwaqt li sostna li wieħed jispiċċa jidħak jisma’ lill-Partit Laburista jitkellem fuq strateġija f’dan is-settur meta jidher biċ-ċar min-nuqqas ta’ riżultati miksuba li qatt ma kien hemm.

Stqarr li l-pressjoni li kien hemm għal kiri jew xiri ta’ propjeta privata, partikolarment mill-barranin li jaħdmu Malta, wasslet bien aktar Maltin u Għawdxin ma jistgħux isibu fejn joqogħdu minħabba żieda fil-kirjiet jew prezzijiet.