Min hu Dr Carol Peralta?

Dr Carol Peralta eks Maġistrat, avukat Konrad Mizzi
Ritratt: Miguela Xuereb

Read in English.

L-eks maġistrat Carol Peralta huwa parti mit-tim legali li qed jirrappreżenta lill-eks ministru Konrad Mizzi.

Mizzi bħalissa qed jiġi interrogat mit-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi fil-Ħamrun wara li qatta’ l-lejl li għadda fil-kustodja tal-Pulizija. Sorsi qrib Newsbook.com.mt qalu li Konrad Mizzi semma lil Keith Schembri waqt l-interrogazzjoni tat-Tlieta. Dan eventwalment wassal biex ġie arrestat Schembri wkoll. Skont it-Times of Malta, huma qed jiġu interrogati b’rabta ma’ messaġġi li ntbagħtu bejn Mizzi u Yorgen Fenech li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-għażla tar-rappreżentazzjoni legali tal-eks ministru, li llum huwa Membru Parlamentari indipendenti, qajmet diskussjoni. Mizzi, kien irrappreżentat minn Aron Mifsud Bonnici, iżda issa għandu lil Dr Peralta u lil Dr Jean Paul Sammut, li huwa wkoll il-konsulent legali ta’ Charles Polidano, iċ-Ċaqnu.

Peralta, li għandu 68 sena, kien irriżenja mill-bank tal-ġudikatura fis-26 ta’ Awwissu tal-2015, sentejn qabel l-età tal-irtirar. F’ittra li bagħat lill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta, Dr Peralta qal li ddeċieda li jirtira wara numru kbir ta’ diżappunti u diżillużjonijiet fil-kamp nazzjonali. Żied jgħid li meta jħares lura hu sodisfatt għad-diversi ħatriet tiegħu fl-ogħla postijiet ġuridiċi f’pajjiżi oħra u f’istituzzjonijiet internazzjonali.

L-eks Maġistrat kien fiċ-ċentru ta’ kontroversja f’Diċembru tal-2013, meta organizza festin tal-Milied f’awla tal-Qorti u li matulu ordna arrest ta’ ġurnalist tat-Times of Malta li kien qed jieħu ritratt. Waqt dan il-festin fil-bini tal-Qorti kien hemm mużika, xorb u tipjip. Dwar dan il-każ, Dr Peralta kien stieden lill-midja għall-konferenza fir-residenza tiegħu fl-Imdina.

Dakinhar, Prof. Arnold Cassola, li kien Chairperson ta’ Alternattiva Demokratika, kien qal li Carol Peralta kien reċediv fl-imġiba tiegħu b’dan il-festin. Spjega li dan minħabba li:

  • Bena dar illegali f’Għawdex
  • Ordna d-deportazzjoni tal-housekeeper  barranija tiegħu meta ma kellux aktar bżonn is-servizzi tagħha
  • Ħafer insulti kontra l-komunità gay basta jkunu ġejjin mill-Mellieħa
  • Stqarr li l-barranin jistgħu jiġu ssentenzjati għal pieni aktar ħorox

Jaffaċċja mozzjonijiet biex jitneħħa minn maġistrat

Fil-karriera tiegħu bħala membru tal-ġudikatura, Peralta kien affaċċjat b’żewġ mozzjonijiet biex jitneħħa minn maġistrat:

  • Fl-1990, Wenzu Mintoff, dakinhar MP, ressaq mozzjoni għat-tneħħija ta’ Dr Peralta wara storja li ħareġ il-ġurnal ta’ Alternattiva Demokratika. Dakinhar Peralta kien maġistrat f’Għawdex. Il-każ kien dwar l-approvazzjoni tad-drittijiet tal-Batterija ta’ Sant’Antnin fil-Qala.
  • Fl-1994, Eddie Fenech Adami, dakinhar Prim Ministru, ippreżenta mozzjoni għat-tneħħija ta’ Dr Peralta. Qatt ma saru pubbliċi r-raġunijiet dwar din il-mozzjoni.

Iż-żewġ mozzjonijiet ma kinux intlaqgħu. Fl-1990 ma kienx hemm proċeduri legali biex jiġu investigati maġistrati, filwaqt li fl-1994, il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, li kienet għadha kif twaqqfet, irrifjutat il-mozzjoni u qalet li ma kienx hemm bażi li tiġi diskussa fil-Parlament.

Impenji barra minn Malta

Dr Carol Peralta telaq minn Malta fl-2003 fejn għal tmien snin sħaħ serva fi tribunali ta’ reati relatati mal-gwerra, bħala parti mill-missjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda fil-Kosovo.  Dakinhar kien ħalla 283 inkjesta maġisterjali pendenti. Reġa’ beda jservi fil-Qrati f’Malta fl-2012.

Imdaħħal fil-mażunerija?

Fil-konferenza tal-aħbarijiet li għamel fir-residenza tiegħu wara l-festin tal-Milied fl-awla, Peralta la kien ċaħad u lanqas ikkonferma l-involviment tiegħu fil-mażunerija. Madanakollu kien qal li l-mażunerija mhix illegali u li mhix ta’ kunflitt ta’ interess. Mhux ċar jekk Peralta kienx fil-mażunerija waqt li kien maġistrat, hekk kif il-Kodiċi tal-Etika għall-ġudikatura juru biċ-ċar li membru tal-ġudikatura ma jistax ikun mażun.

F’Mejju tal-2019, Peralta applika biex jibni aparthotel ta’ sitt sulari fuq medda ta’ 5,500 metru kwadru fuq art agrikola fil-Mellieħa.