Min ħallas għall-ikel u x-xorb fil-festin waqt l-Isle of MTV?

Waqt il-kunċert tal-Isle of MTV ta’ din is-sena, il-parti tal-gallarija tal-Istitut Kattoliku, inkriet mill-Awtorità ta’ Malta għat-Turiżmu (MTA) biex sar festin privat mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru (OPM) għall-membri tal-Kabinett, Deputati oħra, VIPs u l-familjari tagħhom mistiedna mill-Gvern.
Mhux magħruf jekk saritx stedina lill-membri tal-Oppożizzjoni.
Il-parti tal-gallarija tal-Istitut Kattoliku hija waħda mill-ħames żoni li kull sena l-MTA tikri għall-mistidnin.
Għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt, Kelliema għall-Ministeru tat-Turiżmu sostniet li din hija prattika regolari li madwar 100 persuna jiġu mistiedna fl-Istitut Kattoliku waqt il-kunċert tal-Isle of MTV.
Għall-ħames żoni li jinkrew, l-MTA tħallas b’kollox €550.
Għaldaqstant sorsi li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt sostnew li s-soltu ż-żona tal-gallarija tal-Istitut Kattoliku tiġi kkordinata mill-MTA u mhux mill-OPM u tkun miftuħa għal numru limitat ħafna ta’ impjegati fl-MTA, il-familjari tagħhom u mistiedna oħra.
Din is-sena iżda l-ħaddiema fl-MTA kellhom imorru f’żona oħra riżervata.
Il-Kelliema għall-Ministeru tat-Turiżmu kkonfermat ż-żona l-oħra li jinkrew jintużaw fost l-oħrajn bħala control room mill-Pulizija, il-Protezzjoni Ċivili u s-sigurtà.
Newsbook.com.mt bagħat sensiela ta’ mistoqsijiet lill-MTA, il-Ministeru għat-Turiżmu u l-OPM fosthom min ħallas għall-ikel u x-xorb waqt dan il-festin privat.
Il-Kelliema għall-Ministeru tat-Turiżmu wieġbet li l-MTA ma ħallset l-ebda flus għall-ikel, għax kull sena dan jiġi pprovdut mill-organizzaturi tal-attività.
Għaldaqstant mhux magħruf jekk l-ikel u x-xorb tħallasx mill-Ministeru jew mill-OPM.
Għall-istess mistoqsijiet l-Kap tal-Komunikazzjoni tal-Gvern qal li ma kellux xi jżid mar-risposti li ngħataw mill-Ministeru tat-Turiżmu.
Qal iżda li kien il-Ministeru għat-Turiżmu li kien qed jikkordina l-avveniment.
Newsbook.com.mt tkellem ma’ eks uffiċjali tal-Gvern preċedenti dwar min kien ikun responsabbli għall-organiżazzjoni tal-Isle of MTV u filwaqt li d-dettalji huma ‘kummerċjalment sensittivi’, issoltu jkunu l-MTA flimkien mal-MTV li jorganiżżaw il-kunċert fuq il-Fosos tal-Furjana.