Filmat: “Min għandu responsabbiltà fil-Knisja għandu jara kif id-don jintuża għall-glorja ta’ Alla”

L-Amministratur Appostoliku, l-Isqof Charles Scicluna qal li kull min b’xi mod għandu pożizzjoni ta’ responsabbiltà fil-Knisja għandu jsaqsi lilu nnifsu kif dan id-don ta’ ġenerożità se jintuża għall-glorja t’Alla. Spjega li bir-rażan, il-ġustizzja u t-tjubija, persuna tkun tista' jgawdi relazzjoni kontinwa m'Alla.
L-Isqof Charles Scicluna kien qed jitkellem waqt il-quddiesa tal-gradwazzjoni tal-Istitut ta’ Fondazzjoni Pastorali, li saret fis-Seminarju, tal-Virtù. Matul din iċ-ċerimonja gradwaw 142 persuna li, matul l-aħħar sena akkademika, temmew b’suċċess wieħed mit-13-il kors differenti li offra l-Istitut flimkien ma’ entitajiet oħra tal-Knisja.
Fl-omelija tiegħu, l-Isqof Scicluna tkellem dwar l-importanza li kulma nagħmlu għandu jsir b’imħabba, u mhux bi ftaħir. Fakkar li fil-Bibbja hemm miktub li “aħna qaddejja, għamilna biss dak li kellna nagħmlu.” Spjega li dan ifisser li dak li tagħmel persuna ma tagħmlux b’sens ta’ ftaħir jew biex tirċievi xi premju għaliex id-dover hu l-premju, fih innifsu.