“Min beżża’ bl-Ewropa qed jimbotta għall-abort” – Peter Agius

Il-kandidat tal-PN għall-elezzjonijiet Ewropej u espert dwar l-Unjoni Ewropea Dr Peter Agius stqarr li l-MEP Alfred Sant qed juża’ s-siġġu tiegħu fil-Parlament Ewropew biex idaħħal l-abort f’Malta.

Huwa stqarr ukoll li hija ironija li min beżża’ bl-Ewropa li ġġib l-abort, illum qed jimbotta l-abort mill-Parlament Ewropew. Agius qal dan b’referenza għall-kampanja tar-referendum dwar is-sħubija ta’ Malta fl-UE meta l-Partit Laburista kien ikkampanja kontra fosthom minħabba l-abort, tema li l-UE m’għandhix poter fuqha.

L-eks Prim Ministru u Membri Parlamentari Ewropew Alfred Sant kien ikkwotat fil-ġurnal prominenti Ingliż The Guardian jgħid li l-abort f’Malta huwa inevitabli hekk kif skontu l-oppinjoni pubblika qed tinbidel ftit ftit.

Sant iddeskriva lilu nnifsu “favur l-għażla”, terminu li jintuża mill-gruppi ta’ pressjoni li jridu li l-abort jiġi legalizzat f’Malta.

Dr Agius spjega kif il-Parlament Ewropew m’għandu l-ebda jhedd dwar l-abort fil-pajjiżi membri għaliex huwa l-istat Malti li jiddeċiedi dwar din il-materja. Huwa appella li jekk il-Partit Laburista jrid idaħħal l-abort “għandu jgħidha ċara u tonda”.

Fl-aħħar diskors tiegħu bħala Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat tkellem b’mod li ħafna fehmuh li jista’ jkun li fil-futur se jkun qed jikkampanja favur l-introduzzjoni tal-abort.

Ftit tal-jiem wara, il-Prim Ministru Robert Abela jgħid li hu kontra l-abort akkost ta’ kollox.

Reat kriminali jekk isir l-abort f’Malta jew barra minn xtutna Jean Claude Micallef

Id-deputat Laburista Jean Claude Micallef stqarr li għal-liġi Maltija l-abort u reat kriminali u staqsa kif il-Pulizija aġixxit fil-konfront ta’ persuni li għamlu l-abort kemm f’Malta kif ukoll barra minn Malta.

Huwa għamel dan il-kumment fuq Facebook fejn semma wkoll il-mistoqsijiet parlamentari li għamel dwar is-suġġett. Huwa stqarr ukoll li qiegħed fil-politika għaliex irrid infassal politika u liġijiet li jiddefendu l-vulnerabbli filwaqt li temm jgħid li l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf hi inevitabbli.

Għal kull skandlu, il-PL juża’ l-karta tal-abort – MŻPN

Intant, l-MŻPN, il-fergħa taż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista qalet li kull darba li joħroġ xi skandlu, il-Partit Laburista juża’ l-karta tal-abort biex jibdel is-suġġett. Iż-żgħażagħ qalu li l-kumment ta’ Micallef sar 24 siegħa wara li ġie żvelat li l-kabinett kollu jinsab taħt inkjesta kriminali għall-użu ħażin tal-fondi pubbliċi fuq reklamar fuq Facebook.