“Min baqa’ fuq il-benefiċċji soċjali fi żmien il-PN kien intelliġenti” – Scicluna

Edward-Scicluna
Miguela Xuereb

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li l-Gvern ma waqax fin-nasba li jgħid li din is-sena se jgħin biss lin-negozji u jieqaf hemm. Huwa qal li dan hu Gvern li fl-aħħar seba’ snin ħalla l-marka soċjali tiegħu fuq il-Maltin. Hu sostna li min baqa’ fuq il-benefiċċji soċjali fi żmien meta l-Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern kien intelliġenti.

F’diskors f’għeluq id-dibattitu dwar l-estimi ġenerali fi stadju ta’ kumitat ta’ provvista għall-ministeru tiegħu, Scicluna qal li għal darboħra l-Gvern wieżen lill-vulnerabbli u l-anzjani.

Scicluna qal li l-iżball li kien isir mill-Gvern Nazzjonalista kien li joffri inċentiv permezz tal-benefiċċji soċjali biex in-nies jibqgħu fuq il-lista tal-qagħad. “In-nies fuq il-lista tal-qagħad kienu intelliġenti, ma kienx fl-interess tagħhom li jmorru jaħdmu u l-Gvern qatt ma seta’ jeħles minn 7,000 qagħad peress li dawn waqgħu għal poverty trap,” spjega Scicluna.

Hu appella biex il-Gvern u l-Oppożizzjoni jersqu aktar lejn xulxin u jaħdmu flimkien fil-qasam tal-finanzi.

Scicluna qal li bħala Kap tal-MFSA hu ħadem maż-żewġ Gvernijiet u l-ftehim bejn iż-żewġ naħat dejjem kien li fil-qasam finanzjarju jaħdmu flimkien. “Naf x’jien ngħid u għandi korrispondenzi bejn iż-żewġ naħat li jikkonfermaw dan,” stqarr Scicluna.

Huwa qal li t-tbassir għax-xitwa maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea illum jikkonferma dak li qed jgħid il-Gvern u jikkonferma li Malta se tkun l-ewwel pajjiż li jara tkabbir fl-Unjoni Ewropea.